Fl-isfond tal-eluf ta’ bozoz li jdawlu t-toroq prinċipali tal-Belt Valletta, u l-armar festiv li jagħti l-ħajja lill-kapitali Maltija f’dawn iż-żminijiet, l-attività ma tonqosx – min-nies li jidħlu l-Belt biex jixtru, oħrajn biex igawdu l-ispirtu festiv, u min biex jiekol f’xi wieħed mir-ristoranti li f’dawn iż-żminijiet ikunu dejjem ippakkjati.
Bil-għan li ma jsirux reati jew inċidenti bla bżonn, l-uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità, iwettqu rondi kontinwi biex jassiguraw il-paċi pubblika, fl-istess waqt li jintervjenu fil-pront f’każ ta’ bżonn.
ONE News qatta’ lejla ma’ dawn l-uffiċjali. Il-Kuntistabbli Lydon Azzopardi tkellem magħna dwar l-irwol tal-Pulizija fil-Komunità, b’mod partikolari f’belt kapitali.
Qal, “Aħna xogħolna huwa li nduru fit-toroq, speċjalment bħala tal-Belt Valletta għandna ammont kbir ta’ ħwienet, induru mal-ħwienet, inkellmu lis-sidien jew supervisors, managers, securities – biex nibnu relazzjoni magħhom u naraw li kollox sew, biex minn dik ir-relazzjoni li nibnu, jekk jinqala’ xi ħaġa, ikunu jistgħu jduru fuqna u nkunu nistgħu mmexxu aħjar.”
Ir-relazzjoni mas-sidien tal-ħwienet li tkellem dwarha l-Kuntistabbli, ħassejniha waqt ir-ronda li għamilna magħhom, fejn stajna nosservaw is-sens ta’ fiduċja li teżisti fil-Pulizija.
Meta dħalna f’kumpless tax-xiri fejn hemm ukoll ċinema, u allura ffrekkwentat sew anki minn familji bit-tfal, tkellimna ma’ Oliver Agius, id-Duty Manager li nzerta kien xogħol dakinhar.
Qal, “Dal-aħħar il-Pulizija żdiedet, fis-sens anki jiġu hawnhekk ikellmuna, jistaqsuna jekk hux kollox sew, il-preżenza tagħhom żdiedet, il-problemi naqsu, u l-fatt li nafu fejn nistgħu nikkuntattjawhom, nafu li hemm xi ħaġa li qed tieħu ħsieb, hija ta’ serħan il-moħħ.”
L-istess sentiment ta’ serħan il-moħħ, esprimietu mal-mikrofonu ta’ ONE News, Rita Micallef, li ltqajna magħha ġo kumpless ieħor fil-Belt.
Qal, “Li jkun hawn il-Pulizija tal-Komunità għaddejjin, għalina huwa ta’ serħan il-moħħ. Jiena nista’ nitkellem fuq il-Pulizija tal-Belt Valletta, li ġieli sibnihom ta’ għajnuna, għax ġieli kellna xi ħadd jipprova jisraq, inċemplulhom u jiġu mill-ewwel.”
U filwaqt li hija xi ħaġa sabiħa ferm li tara t-toroq tal-Belt mimlijin, u lanqas mejda waħda vojta fir-ristoranti, il-Kuntistabbli appella għall-attenzjoni tal-pubbliku biex jiġu evitati reati bla bżonn.
Qal, “Wieħed mill-ikbar reati fil-Belt Valletta huwa s-serq, speċifikament il-pickpocketing, jiġifieri min ikun ġej il-Belt jew kwalunkwe post ieħor, joqgħod attent fejn iħalli l-affarijiet. Mobiles fil-but ta’ wara, kartieri, basktijiet miftuħin – huma kollha affarijiet li min ikun ħa jisraq jinnota biex ikun jista’ jagħmel xogħlu.”