Minn Lulju sa Settembru ta’ din is-sena madwar erbgħa u għoxrin elf u ħames mitt persuna (24,480) għażlu li jqattgħu lejl jew aktar f’post ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex u Kemmuna, inkluż f’lukandi.
Dan ħareġ minn statistika uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li juru ż-żieda sostanzjali (+21,003) ta’ persuni li qagħdu f’dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni mit-tieni kwart ta’ din is-sena, hekk kif minn April sa Ġunju in-numru ta’ persuni kien ta’ kważi tlett elef u ħames mija (3,477).
L-istatistika turi wkoll iż-żieda pożittiva fin-numru ta’ ljieli li qattgħu l-Maltin u turisti f’Għawdex. Fit-tielet kwart ta’ din is-sena l-iljieli ammontaw għal aktar minn sitta u sittin elf u tmien mitt lejl (66,838), filwaqt li fit-tieni kwart dawn ammontaw għal kważi tmient elef u tmien mitt lejl (8,796).
Iż-żieda bejn it-tieni u t-tielet kwart tas-sena elfejn u għoxrin ġiet irreġistrata wkoll f’Malta.
Bejn Lulju u Settembru l-lukandi minn żewġ stilel għal ħames stilel u postijiet oħra ta’ akkomodazzjoni f’Malta kellhom ibbukjat kważi miljun u disgħa u tmenin elf lejl (1,088,973). Li jfisser żieda enormi minn April sa Ġunju, hekk kif ġew rreġistrati aktar minn erbgħa u sittin elf lejl (64,185).
Iż-żieda ġiet irreġistrata wkoll fin-numru ta’ persuni li qagħdu fost oħrajn f’lukandi f’Malta, hekk kif fit-tielet kwart kien hemm madwar mitejn u erbgħa u sittin elf u erba’ mitt persuna (264,444).
L-NSO turi wkoll kif f’Settembru li għadda, kien hemm madwar mitejn post ta’ akkomodazzjoni, bi kważi sbatax-il elf u sitt mitt kamra (17,599) u aktar minn erbgħin elf u disa’ mitt sodda (40,920).
Intant fi stqarrija l-Ministeru għat-Turiżmu nnota kif il-miżuri mħabbra b’rabta mal-pandemija wkoll għenu sabiex dawn ir-riżultati jiġu reġistrati. Miżuri bħall-vouchers għenu bil-kbir lill-operaturi f’Malta, filwaqt li kien hemm impatt pożittiv qawwi ħafna fil-gżira Għawdxija.
L-istqarrija turi li minħabba raġunijiet ovvji mijiet ta’ persuni minflok għażlu li jqattgħu btala barra minn Malta għażlu li jmorru f’lukandi u fi stabbilimenti f’pajjiżna, l-aktar f’lukandi ta’ erba’ u ta’ ħames stilel.
Il-Ministeru għat-Turiżmu qal li filwaqt li f’nofs pandemija, pajjiżi oħra żdied il-qgħad, f’pajjiżna kien hemm tkabbir ta’ mija u sitta u għoxrin fil-mija (126% ) fit-turiżmu domestiku.
Dan huwa l-akbar prova ta’ kemm il-miżuri ekonomiċi li ħa l-gvern taw kunfidenza kbira lill-familji f’pajjiżna.
Il-Gvern saħaq li l-miżuri tal-budget għas-sena d-dieħla, fosthom sett ieħor ta’ vouchers, mistennija jerġgħu jagħtu spinta kbira lid-domanda domestika fix-xhur li ġejjin.
Intant innota wkoll din l-istatistika l-Prim Ministru Robert Abela li fi tweet spjega li filwaqt li f’pajjiżi fl-Unjoni Ewropea t-turiżmu domestiku naqas drastikament fis-sajf li għadda, f’Malta rdoppja. Semma wkoll kif il-miżura tal-vouchers fissret li madwar disgħin elf persuna qattgħu btala f’Malta u f’Għawdex stess.
While in the #EU domestic tourism fell by a quarter this summer in #Malta it doubled. Measures such as the #vouchers meant that nearly 90000 #Maltese and #Gozitans enjoyed holidays in our splendid hotels. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 24, 2020