Il-baġit għas-sena dieħla se jara eluf ta’ pensjonanti jgawdu minn żieda fil-pensjoni tagħhom.
Din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-Gvern se jkun qed jgħolli l-pensjonijiet wara li kienu ilhom ffriżati għal ħamsa u għoxrin sena.
Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li b’nefqa ta’ disa’ miljun ewro fis-sena, mad-disgħin elf pensjonant (90,000) se jgawdu minn żieda ta’ żewġ ewro oħra fil-ġimgħa. Dan minbarra ż-żieda ta’ ewro u ħamsa u sebgħin ewro fil-ġimgħa bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja.
Matul is-sena d-dieħla se tkompli r-riforma kbira favur il-ħelsien mit-taxxa fuq il-pensjonijiet li diġà gawdew minnha 22,000 pensjonant tant li 9,000 minnhom ma baqgħux iħallsu taxxa. Dan ifisser li mis-sena d-dieħla l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet li mhux se jkunu intaxxati se jitla’ b’mitejn ewro għal tlettax-il elf u mitejn ewro.
B’nefqa ta’ miljun ewro oħra, il-budget għas-sena d-dieħla jaħseb ukoll f’erbat elef u ħames mitt pensjonant tas-servizz li għal sena oħra se jkunu qed jiżdiedu b’mitejn ewro oħra fis-sena li jitnaqqas mill-pensjoni tas-sigurtà soċjali.
Mis-sena d-dieħla wkoll se jidħlu miżuri ġodda għall- pensjonanti b’bolol neqsin. Fost oħrajn pensjonanti tal-irtirar li għadhom ma laħqux il-65 sena u għadhom jaħdmu part-time jew għal rashom se jkunu jistgħu jħallsu bolla pro-rata ta’ 15 fil-mija flok bolla sħiħa.
Wara li fl-aħħar jiem, mas-sitt elef persuna jew werrieta tagħhom ħadu mal-ħdax-il miljun fi ħlasijiet għall-anomaliji li nħolqu tul is-snin b’tibdiliet fis-sistema tal-pensjonijiet, b’nefqa ta’ għaxar miljun ewro u nofs oħra, il-Gvern se jkompli jindirizza l-inġustizzji tal-passat fosthom mal-ex ħaddiema tal-korpi, tax-xatt, tal-ħaddiema tal-ex Malta electricity board u l-pulizija.
Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar ukoll li matul is-sena d-dieħla se jerġgħu joħorġu bonds b’rati ta’ imgħax ogħla għall-pensjonanti li għandhom tnejn u sittin sena jew aktar biex jgħinu fid-dħul tal-pensjonanti.
L-anzjani ta’ iktar minn ħamsa u sebgħin sena u li jgħixu fi djarhom se jerġgħu jingħataw l-għotja ta’ tlett mitt ewro.