Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-persuni li qasmu għal Għawdex fix-xhur ta’ bejn Lulju u Settembru li għadda qabżu l-miljun u sitt mitt elf ruħ. Din wriet żieda notevoli ta’ kważi tnejn fil-mija fuq is-sena li għaddiet.
Awwissu kien l-aktar xahar bieżel għal Gozo Channel meta kważi s-sitt mitt elf passiġġier qasmu bejn iż-żewġ gżejjer. L-aktar xahar li fih qasmu persuni lejn Għawdex kien Awwissu b’aktar minn ħames mija u tmien mitt elf passiġġier. Dawn ammontaw għal erba u tletin fil-mija tal-passiġġieri li għamlu użu mis-servizz tul is-sajf kollu.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li l-vapuri tal-Gozo Channel ġarrew kważi erba’ mija u sittin elf vettura li fissret żieda ta’ kważi erbgħa fil-mija. Iċ-ċifri juru wkoll li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena qasmu lejn Għawdex aktar minn erba miljun passiġġier. Din ukoll rat żieda ta’ aktar minn mija u ħamsin elf ruħ mis-sena li għaddiet.
Din is-sena sa issa il-Gozo Channel operat aktar minn sbatax –il elf traġitt bejn il-Gżejjer Maltin. L-aktar ġranet li l-portijiet raw passiġġieri kienu dawk li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa. Il-Ġimgħa u s-Sibt raw l-akbar numru ta’ passiġieri jagħmlu użu mill-port taċ-Ċirkewwa filwaqt li l-ġranet tas-Sibt u l-Ħadd raw l-akbar attività fil-port Għawdxi tal-Imġarr.