Minn għada dawk il-ħaddiema li jaħdmu bħala home helpers ser jirċievu l-ewwel paga biż-żieda. Ħabbar dan is-segretarju parlamanteri Anthony Agius Decelis waqt konferenza stampa matul il-ġurnata tal-Ħamis.
F’kummenti lil ONE NEWS Patrick Vella, id-direttur fi ħdan is-segretarjat qal li din iż-żieda ħa tpoggi lil dawn il-ħaddiema fl-istess skala ta’ oħrajn li jagħmlu xogħol simili u ħa jagħti aktar stabbilità lil dawn il-ħaddiema:
“Biex jingħataw dawn is-sigħat kollha ta’ servizzi hemm bżonn numru ta’ ħaddiema infatti dan is-servizz jingħata minn 230 ħaddiem li jgħinu lill-anzjani fil-qadi u affarijiet domestiċi li jkollhom bżonn. sar investiment min-naħa tal-gvern li jiswa ċirka €200,000 fis-sena li permezz tiegħu il-ħaddiema ħa jiġu mħalsin aktar, ċirka ta’ €28 fil-gimgħa għal min jaħdem gimgħa ta’ 40 siegħa”.
F’Malta hawn 2610 dar u 3865 persuna li tagħmel użu mis-servizz tal-home helpers li jqattgħu aktar minn 6,500 siegħa f’dan ix-xogħol. Xogħol li tant huwa importanti li jara żieda ta’ madwar 20 applikazzjoni għalih fil-ġimgħa.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva l-anzjani ħa jkollhom rashom mistrieħa li ma jarawx tibdil kbir fil-home helpers li jgħinuhom:
“Qegħdin ukoll inserrħu moħħ l-anzjani li jużaw dan is-servizz li issa ħa jkollhom inqas turnover ta’ ħaddiema peress li ż-żieda fil-paga ħa tħajjar lill-ħaddiema jibqgħu joffru s-servizz ta’ home helpers”.
Intant, permezz ta’ dan, ħa tkun qed titwettaq ukoll wegħda elettorali oħra li tkompli ttejjeb dan il-qasam.