Din is-sena, Malta ġiet allokata kwota għas-sajd tat-tonn ta’ 433.4 tunnellati.
Din hija żieda ta’ 44 tunnellata fuq il-kwota li kellha Malta s-sena li għaddiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Inwettqu Flimkien”, ġie spjegat kif se titqassam il-kwota tat-tonn għas-sena 2023.
Il-bastimenti storiċi ġew allokati tliet mitt tunnellata, filwaqt li dawk settorjali ġew allokati 66 tunnellata.
Is-sajjieda żgħażagħ jistgħu jaqbdu 31 tunnellata u dawk b’bastimenti rikreazzjonali ġew allokati tlieta punt ħames tunnellati.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, Bjorn Callus, spjega kif, għall-ewwel darba din is-sena, inħolqot ukoll kategorija ġdida għal sajjieda li qabel ma kellhomx opportunità għal dan it-tip ta’ sajd, u bl-istess mod qed jingħataw ukoll ċans is-sajjieda rikreazzjonali.
“Għamilna pot, kategorija, għal dawk li MFA sajjieda full-time li ma daħlu fl-ebda kategorija diġà biex ikollhom iċ-ċans jaqbdu mat-350 kilo tonn għal massimu ta’ tmien tunnellati f’pot wieħed. Ma nsejniex ukoll il-part-timers, dawk li għandhom dgħajjes irreġistrati bħala MFBs, fejn waqt ix-xogħol tagħhom tas-sajd ikollhom qabdiet inċidentali tat-tonn, ikunu jistgħu jdaħħluh ukoll u jikkumerċjalizzawh kif jaraw huma. Dawn għandhom total ta’ ħames tunnellati.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Sajd qalet li din hija l-ewwel darba fi tliet snin li qed tiżdied il-kwota tat-tonn.
“Aħna bħala Gvern, fuq livell ta’ Unjoni Ewropea, ħdimna ħafna anki permezz ta’ argumenti xjentifiċi sabiex tiżdied din il-kwota għal Malta; żieda li se jgawdu minnha s-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha. Il-pass li kien imiss wara dan kien li nikkonsultaw mas-sajjieda biex naraw kif din iż-żieda tista’ tinqasam bl-aħjar mod biex nimxu b’mod ġust u trasparenti.”
Il-Ministru Anton Refalo fakkar kif is-sajjieda sabu spalla fil-Gvern tul is-snin tal-pandemija, u tenna l-istess impenn għaż-żmien li ġej.
“Għandna fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi u se nkomplu naħdmu biex nagħtu ċertezza u stabbiltà lil pajjiżna, l-istess fis-settur tas-sajd fejn konna mas-sajjieda waqt il-pandemija, qegħdin mas-sajjieda u se nibqgħu magħhom il-ħin kollu għax nemmnu f’das-settur u importanti li jkun sostenibbli.”
Intant, marbuta ma’ din il-kwota hemm diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jistax isir trasferiment tal-kwoti jew bastimenti, u li kull qabda trid tiġi ddikjarata u jimtela l-logbook ta’ fuq kull bastiment.