Mara li spiċċat paralizzata wara li waqgħet fuqha struttura waqt party fil-Qawra fl-elfejn u tmienja, rat żieda fil-kumpens li ngħatalha, minn erba’ mija u tlieta u sittin elf, għal ħames mija u wieħed u ħamsin elf.
Il-Qorti tal-Appell sabet ukoll lid-Direttur tal-kumpanija li poġġiet l-istrutturi tad-dawl responsabbli, li fil-Qorti ta’ qabel kien ġie lliberat minn kull akkuża u weħlu biss l-organizzaturi tal-party.
L-inċident imur lura għall-elfejn u tmienja fi Fra Ben, meta riħ qawwi li qam, ikkawża struttura tad-dawl biex tikkollassa, bil-konsegwenza li weġġgħu mat-tmien persuni, fosthom il-vittma inkwistjoni, Vladyslava Kravchenko, li dak iż-żmien kellha sbatax-il sena.
Hija sofriet minn ħamsa u sebgħin fil-mija diżabilità u spiċċat f’siġġu tar-roti. Eventwalment, saret għawwiema Paralimpika, li anki tirrappreżenta lil Malta.