F’April li għadda Malta kellha t-tielet l-akbar żieda ta’ kummerċ bl-imnut fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea meta mqabbel ma’ April tas-sena l-oħra.
Skont statisika maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, f’April li għadda Malta kellha żieda ta’ 17.5 fil-mija fuq April ta’ sena qabel.
Dan ifisser li Malta kellha żieda ta’ 13.6 punti perċentwali aktar mill-medja fiż-Żona Ewro u 12.5 punti perċentwali aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Kienu l-iSlovenja u l-Polonja biss li rreġistraw żieda aktar minn Malta, filwaqt li l-Finlandja, il-Lussemburgu, u l-Belġju rreġistraw l-akbar tnaqqis fil-kummerċ bl-imut fl-istess perjodu.
Meta mqabbel max-xahar ta’ qabel ta’ din is-sena stess, f’April li għadda Malta esperjenzat ukoll żieda fil-kummerċ bl-imnut ta’ 1.3 fil-mija. B’hekk, bejn Marzu u April li għaddew, Malta rreġistrat ir-raba’ l-akbar żieda wara Spajna, il-Lussemburgu, u l-Irlanda. Fil-fatt, f’April ta’ din is-sena, kienu disa’ l-pajjiżi li rreġistraw żieda jew baqgħu kif kienu meta mqabbel ma’ Marzu li għadda. Il-medja tal-kummerċ bl-imnut fl-Unjoni Ewropea u anke fiż-Żona tal-Ewro rreġistraw tnaqqis ta’ 1.3 fil-mija.
Minn Marzu għal April, l-ikel, ix-xorb, it-tabakk u prodotti li m’humiex ikel irreġistraw nuqqas fil-kummerċ kemm fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fiż-Żona tal-Ewro, iżda l-kummerċ fil-fjuwil li jintuża għat-trasport irreġistra żieda.