Il-Ministeru għall-Finanzi ffirma ftehim ma’ l-Assoċjazzjoni ta’ dawk li jipprovdu servizz ta’ childcare, li se jkun qed iwassal għal żieda fir-rata ta’ ħlas fis-siegħa mħallsa mill-Gvern liċ-ċentri ta’ childcare bl-għan li s-servizz u l-istandards ta’ dawn iċ-ċentri jkomplu jissaħħu.
Preżentament qed isir audit indipendenti u qed jevalwa n-nefqa involuta biex dawn iċ-ċentri joperaw. Iż-żewġ naħat qablu li se jkunu qed jidħlu f’negozjati biex jiġi ffirmat ftehim ta’ tliet snin li se jkun qed ikopri mhux biss il-ħlas li jsir mill-Gvern għas-servizz ta’ childcare iżda jassigura ukoll li c-childcare centres jaddottaw standards internazzjonali u jużaw l-aqwa prattiċi f’dan is-settur.
Dan il-ftehim ġie ffirmat mic- Childcare Centres Providers Associations, mill-GRTU u mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi.