Ċifri uffiċjali tal-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex jikkonfermaw żieda qawwija fil-passiġġieri li qasmu lejn Għawdex bejn Lulju u Settembru.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li f’dawn it-tliet xhur, il-passiggieri tal-Gozo Channel laħqu miljun, seba’ mija u tmenin elf passiggier li jfissru żieda ta’ 6.3% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Awwissu reġa’ kien l-aktar xahar bieżel għall-Gozo Channel meta aktar minn 620,000 passiġġier qasmu bejn iż-żewġ gżejjer.
L-NSO qal li l-vapuri tal-Gozo Channel ġarrew kważi 499,000 vettura, li żdiedu b’7.6%.
Il-kumpanija għamlet aktar minn 6,700 vjaġġ, żieda ta’ 6.8% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li bejn Jannar u Settembru, il-vapuri tal-Gozo Channel ġarru aktar minn 4,436,000 passiġġier, li kienet tfisser żieda ta’ 7.4% meta mqabbel mal-2017.