Stħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-Maltatoday ippubblikat illum fil-gazzetta juri fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u l-Partit Laburista.
Fil-fatt f’dan l-istħarriġ għax-xahar ta’ Lulju, li sar ġimgħa wara d-deċiżjoni tal-FATF, Dr Abela saħansitra żied il-fiduċja fuq l-istħarriġ li sar qabel mill-gazzetta.
Fil-fatt skont l-istħarriġ tal-Maltatoday, simili ħafna għal dak li ħareġ il-ġimgħa l-oħra fit-Torċa magħmul mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà, il-Prim Ministru żied il-fiduċja b’1.2% u huwa fdat b’51.6% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ.
Il-fiduċja fil-Prim Ministru hija aktar minn 21% iżjed minn dik li kiseb il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li kien fdat minn 30.4%.
Il-Maltatoday tirrimarka wkoll li l-Kap Nazzjonalista huwa saħansitra inqas fdat mill-partit li jmexxi.
Jintqal ukoll li Robert Abela huwa fdat ferm iżjed minn Bernard Grech f’kull kategorija ta’ età.
Eżempju fil-kategorija ta’ età ta’ dawk li jgħoddu bejn il-51 u l-65 sena, il-fiduċja fil-Prim Ministru tlaħħaq kważi s-56%.
Dan meta l-fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni fost il-kategorija ta’ età msemmija tilħaq it-33%.
Fost l-aktar kategorija ta’ età żagħżugħa, jiġifieri bejn is-16 u l-35 sena, Robert Abela kważi hu fdat 19% aktar minn Bernard Grech.
Il-Prim Ministru huwa fdat aktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni fi kważi r-reġjuni kollha tal-pajjiż, inkluż f’Għawdex.
L-istħarriġ jinnota wkoll li imbagħad kieku kellha ssir elezzjoni għada, kważi 45% jivvutaw lill-Partit Laburista u ftit aktar minn 32% jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Dan ifisser distakk ta’ madwar 39,000 vot.
Skont il-Maltatoday, kważi 82% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, se jerġgħu jagħżlu lill-Partit Laburista.
Dan kontra l-ftit inqas minn 78% ta’ votanti Nazzjonalisti erba’ snin ilu li jerġgħu jagħmlu l-istess.
Ġie rrimarkat li aktar persuni li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 mistennija jeqilbu u jivvutaw lill-Partit Laburista milli bil-kontra.
Skont dan l-aħħar stħarriġ il-Partit Laburista għandu maġġoranzi b’saħħithom f’bosta reġjuni fosthom waħda b’saħħitha ta’ aktar minn 17% fuq il-Partit Nazzjonalista, f’Għawdex.
L-istħarriġ jgħid ukoll li 1.1% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ għandhom fiduċja fil-koalizzjoni ta’ bejn l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku, 8.4% jagħżlu li ma jivvutaw u 12% għadhom indeċiżi.