Stħarriġ tal-Maltatoday wera żieda fil-fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, b’distakk fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ta’ 16%.
Imbagħad l-istħarriġ jgħid li l-Partit Nazzjonalista hu ftit inqas minn 12,000 vot fuq il-Partit Laburista. Dan hekk juri kif 48% tal-elettorat jafda lill-Partit Nazzjonalista filwaqt li kważi 44% jivvota lill-Partit Laburista.
B’hekk id-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin huwa ta’ madwar 4%.
L-istħarriġ wera li hemm sezzjoni fl-elettorat li ma għandux fiduċja fiż-żewġ partiti jew li hu indeċiż u ma wera l-ebda żieda fl-appoġġ fil-Partit Nazzjonalista fuq sondaġġi oħra iżda nies li vvutaw lill-Partit Laburista, qed jgħidu li ma jivvutawx.
Dan l-istħarriġ sar fil-ġimgħa li fih il-Partit Laburista kellu l-elezzjonijiet għall-karigi tal-amministrazzjoni l-ġdida. Fosthom kien hemm dawk tad-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista u kif ukoll tal-President tal-Partit.
Intant, waqt il-programm Paperscan, fuq dan l-istazzjon, ġew diskussi dawn is-sondaġġi.
L-eks-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone, tkellem dwar it-trust rating tal-mexxejja, u xi jfisser dan f’tali sondaġġi.
Qal, “Il-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira f’dak li huwa trust rating tal-mexxej u kif rajna fl-aħħar 35 sena, mill-1987 ‘l hawn, wara r-riforma kostituzzjonali b’rabta mal-ammont ta’ voti li bihom tirbaħ il-Gvern, hawnhekk rajna elezzjonijiet presidenzjali, kull darba li saret l-elezzjoni, u f’kull elezzjoni, mingħajr dubju, il-partit li kellu l-mexxej bl-aqwa trust rating, rebaħ dik l-elezzjoni.”
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid Mckay, ta ħarsa lejn fejn irid jimxi l-Partit Laburista, filwaqt li jaqra l-messaġġi tal-elettorat.
Qal, “Is-surveys, irridu naqraw x’inhuma l-messaġġi li qed jagħtu u forsi nagħmel aċċenn anke għall-astensjonijiet li jistgħu faċilment, jagħtu interpretazzjoni ħafna aktar wiesa’ minn sempliċiment rebħa għal naħa, u telfa’ għal naħa oħra…. Naħseb il-Partit Laburista, anke b’dawn l-aħħar jiem minn meta nħatret amministrazzjoni ġdida, għamlet oġġettiv partikolari, li tisma’ dawk il-vuċijiet, partikolarment li qed jikkritikaw anke lill-Partit Laburista, u li qegħdin jgħajtu – dawn importanti li nisimgħuhom, imma wkoll li nisimgħu dawk il-vuċijiet silenzjużi.