Stħarriġ ikkummissjonat mit-Times wera żieda fil-fiduċja fil-Partit Laburista, filwaqt li tibqa’ sezzjoni tal-poplu li qed tgħid li ma tridx tivvota fl-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.
Skont il-kumpanija Esprimi, li wettqet sondaġġ ma’ 650 ruħ bejn it-22 u t-30 ta’ Mejju, il-Partit Laburista jikseb kważi 51% tal-vot filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jġib mal-40%.
Li jfisser distakk ta’ madwar 10.4% li jirriżulta f’distakk ta’ madwar 30,500 vot.
L-istħarriġ tat-Times jgħid li dan ir-riżultat xorta jfisser riżultat ta’ tliet siġġijiet kull wieħed għaż-żewġ partiti, b’riżultat viċin ħafna dak li nkiseb fl-2014 fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
It-turnout f’dan l-istħarriġ hu previst għal 72.4%, li jfisser żieda fuq l-aħħar stħarriġ t’April.
Il-partiti ż-żgħar qed jingħad li jiksbu 8.8% tal-vot.
12% ta’ dawk li ma vvotawx fl-aħħar elezzjoni ġenerali qed jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Laburista.
F’din l-istess kategorija mill-elettorat huma 6% li qalu li jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista.
Skont dan l-istħarriġ, il-Partit Laburista jikseb l-ogħla fiduċja fost il-kategoriji kollha tal-età fejn fl-etajiet ta’ bejn il-25 u l-34 sena u dawk li jgħoddu 65 sena jew aktar, il-Partit Laburista huwa appoġġjat id-doppju tal-Partit Nazzjonalista.
Fost ir-reġjuni mbagħad, il-partiti jaqsmu bin-nofs l-appoġġ.
L-istħarriġ ippubblikat mit-Times ma weriex riżultati marbuta mal-Mexxejja.