Stħarriġ tal-Maltatoday wera żieda fil-fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fuq it-tnaqqis tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Bernard Grech. Is-sondaġġ jgħid ukoll li d-differenza bejn il-partiti politiċi hi ta’ 1%, li jfisser li l-Partit Nazzjonalista naqqas 10,000 vot fuq l-aħħar stħarriġ. Is-sondaġġ jgħid li l-1% distakk hu fil-marġni ta’ żball li jfisser li ż-żewġ partiti jistgħu jinsabu minn fuq.
L-istħarriġ juri wkoll li ħafna iżjed mill-elettorat jafdaw lill-Partit Laburista fil-Gvern imexxi l-finanzi tal-pajjiż milli lill-Partit Nazzjonalista u l-Budget kien milqugħ ferm b’rating pożittiv ta’ 3 minn 5. L-istess kiseb dan ir-rating il-Ministru għall-Finanzi.
Is-sondaġġ juri fiduċja fil-Mexxej Laburista ta’ 43.2% kontra l-25% tal-Kap Nazzjonalista. Mis-sondaġġ li sar qabel f’Settembru, Robert Abela żied b’0.6% filwaqt li Bernard Grech naqqas b’1.6% biex illum id-distakk bejn iż-żewġ Mexxejja huwa ta’ 18%. Abela huwa fdat aktar minn Grech fost il-kategoriji kollha ta’ età. Abela huwa ferm iżjed fdat minn Grech anki fost dawk li ma jridux jivvutaw. Fdat b’saħħa mill-votanti Laburisti b’98%.
L-amministrazzjoni Abela fil-Gvern kisbet rating ta’ 2.7 minn 5, żieda fuq is-sondaġġ ta’ qabel.
Bejn iż-żewġ partiti politiċi, il-Partit Laburista kiseb 45.3%, żieda ta’ 1.5% fuq is-sondaġġ ta’ Settembru u l-Partit Nazzjonalista rreġistra 46.3%, tnaqqis ta’ żewġ punti perċentwali. Hawnhekk jingħad li l-Partit Laburista qed iżomm 69% tal-voti li kiseb fl-aħħar elezzjoni ġenerali kontra s-86% li qed iżomm il-Partit Nazzjonalista.