Żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika, mill-gazzetti It-Torċa u l-Maltatoday rispettivament, urew żieda fil-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista.
Id-distakk dwar fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja ivarja minn kważi 21% f’It-Torċa għal madwar 15% fil-Maltatoday, filwaqt li bejn il-partiti jvarja minn 8.4% fis-sondaġġ tal-Maltatoday għal 10.7% fl-istħarriġ ta’ Dr Vincent Marmarà ppubblikat fil-gazzetta tal-General Workers’ Union.
Dan ifisser distakk ta’ bejn 21,500 u 26,500 vot fiż-żewġ stħarriġ, li b’mod komuni jgħidu li l-Partit Laburista u l-Mexxej tiegħu żiedu t-tnejn fil-fiduċja.
Iż-żewġ sondaġġi b’mod identiku jbassru turnout elettorali ta’ kważi 70%, b’persentaġġ mill-elettorat jgħid li mhux se jivvota.
Skont il-Maltatoday, Abela hu fdat minn 38% tal-elettorat kontra t-23.3% li jikseb Grech, differenza ta’ 15%.
Hawn l-istħarriġ jgħid li, filwaqt li l-Prim Ministru żied il-fiduċja b’1.2%, Grech naqqas il-fiduċja bi 2.8%.
Is-sondaġġ tal-Maltatoday jgħid li l-Prim Ministru hu fdat aktar minn Grech fost il-kategoriji kollha tal-età u f’ħames minn sitt reġjuni madwar il-pajjiż kollu.
Skont It-Torċa, imbagħad, 45% tal-votanti jafdaw lill-Prim Ministru, jiġifieri kważi 21% iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
It-Torċa tgħid li 81% ta’ dawk li vvotaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali għandhom fiduċja fil-Mexxej Laburista għal kontra tal-votanti Nazzjonalisti sentejn ilu, li aktar minn terz minnhom ma jafdawx lil Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Is-sondaġġ tal-Maltatoday sar bejn it-13 u l-21 ta’ Mejju, filwaqt li dak ta’ It-Torċa minn Dr Marmarà sar bejn l-20 u l-24 ta’ Mejju b’kampjun ta’ elf persuna.