Il-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza setgħet tinnota żieda fil-fastidji u l-attakki fuq mezzi diġitali li n-nisa fil-politika, b’mod partikolari l-ġimgħa li għaddiet.
Kważi 60% tan-nisa fil-politika f’48 pajjiż Ewropew, ikunu fil-mira ta’ attakki sessisti onlajn. Saħansitra 47% ta’ dawn irċivew anke theddid ta’ mewt, stupru jew vjolenza.
Dan hu legat ta’ soċjetajiet puttost patrijarkali, kif spjegat il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiveira.
Laiveira stqarret li “meta inti għandek din il-mentalità, ifisser li hemm numru sostanzjali ta’ rġiel, mhux kollha, li jaħsbu li huma superjuri għan-nisa, u allura ma jieħdux pjaċir li n-nisa jkunu f’pożizzjonijiet ta’ poter, u jekk inti fil-politika inti qiegħda f’pożizzjoni ta’ poter. Allura jattakkawhom għax huma nisa.”
Fakkret kif sentejn ilu kien twaqqaf Kumitat Tekniku biex jindirizza dan l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-Parlament, li wassal biex ir-Riforma dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi fil-Parlament jitlaq għal konsultazzjoni pubblika madwar sena wara.
Hi kompliet tgħid kif issa l-kummissjoni qed tara biex, “kemm jista’ jkun malajr, dawn il-miżuri jiġu introdotti. Dan hu l-pass li jmiss li rridu nagħmlu biex għal elezzjoni oħra jkollna kollox f’postu u naraw is-sistema taħdem. Mhux biss, anke fejn jidħol eżempju gender mainstreaming, jew il-Kummissjoni Elettorali, li hija magħmula minn irġiel biss. Hemm ħafna lejn xiex inħarsu.”
Laiveira fakkret ukoll kif il-preżenza ta’ aktar nisa fil-parlament, tfisser ukoll deċiżjonijiet aktar b’saħħithom għall-pajjiż. “Aħna rridu nirrispettaw id-dinjità ta’ xulxin, u dan li qed ninsew, li kull persuna, raġel u mara, għandha d-dinjità tagħha. Tgħidli ‘imma jiena m’għandix dritt ngħid li naħseb?’ Iva, imma tieqaf meta tkun qed tattakka l-persuna l-oħra”, qalet Laiveira.
Dan kollu nistgħu nagħmluh b’kunċett verament sempliċi:
“Iridu jistaqsu ‘l-imġieba tiegħi hija korretta? Hekk għandi nġib ruħi? Jekk ma naqbilx, għandi nitgħajjar u ngħajjar? Mhux kapaċi nkun razzjonali u nagħti r-raġunijiet għaliex ma naqbilx?”