Minn Jannar li ġej, il-benefiċċju għall-persuni li għandhom diżabilità severa u assolutament ma jistgħux jaħdmu se jiżdied minn €140 għal €150 fil-ġimgħa.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Edward Scilcuna fid-diskors tal-baġit għas-sena d-dieħla li stqarr li minbarra din iż-żieda, l-iskema se tiġi estiża għal 600 persuna oħra.
Il-Ministru Scicluna ħabbar ukoll żieda ta’ €5 oħra fil-ġimgħa fil-benefiċċju għat-Tfal b’Diżabilità.
Qal li wara li fl-2014, il-Gvern żied dan il-benefiċċju minn ftit aktar minn €16 għal €20, mis-sena d-dieħla, ir-rata se titla’ għal €25 fil-ġimgħa u li minnha se jgawdu madwar 1,400 tifel u tifla b’diżabilità u l-familji tagħhom.Il-baġit għas-sena d-dieħla jestendi wkoll l-allowance għall-carers li jieħdu ħsieb l-anzjani. Qal li mis-sena d-dieħla, tibda titħallas l-allowance tal-carers lil persuni miżżewġa li jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf mal-anzjan jew anzjna.
Dawk li japplikaw biex jieħdu ħsieb anzjan jew anzjana ta’ 85 sena se jingħataw il-benefiċċju awtomatikament.
Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar ukoll żieda fl-eżenzjoni tat-taxxa għal elfejn ewro għal dawk li jagħmlu pensjoni privata.
Il-baġit għas-sena d-dieħla jipproponi wkoll il-ħruġ tal-Bonds għall-Anzjani li matul din is-sena gawdew minnhom aktar minn 14,000 elf anzjana u anzjana.