Il-Ministeru għall-Finanzi mmexxi mill-Ministru Edward Scicluna jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li juru biċ-ċar li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, id-dħul fil-finanzi tal-istat kompla jikber u jiġġenera ruħu.
Ġiet innutata żieda fid-dħul tat-taxxa li kibret madwar 218 miljun ewro jew 12.5% li tirrifletti żieda fit-taxxa marbuta mal-introjtu tax-xogħol li timxi id f’id mar-rekord ta’ rata baxxa ta’ qgħad li qatt ġiet irreġistrata.
Il-Ministru Scicluna stqarr li dawn ir-riżultati jirriflettu dak li kien imbassar mill-Ministeru fl-ewwel sitt xhur tas-sena u saħaq li l-Ministeru ser ikompli jassigura surplus modest billi jieħu ħsieb u jirregola n-nefqa tal-Gvern mingħajr ma jimpedixxi fuq il-bżonnijiet tal-pajjiż.
In-nefqa fuq proġetti ta’ investiment pubbliku żdiedet b’77 miljun ewro fl-ewwel nofs tas-sena li hija evidenti mill-proġetti li bħalissa qegħdin jaħdmu fuqhom diversi entitatjiet tal-Gvern b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-infrastruttura.
In-nefqa rikorrenti żdiedet ukoll bi 11.7% kawża ta’ diversi programmi u inizzjattivi kif ukoll tirrifletti l-miżuri soċjali li ġew implimentati din is-sena.