Hekk kif bdew jiġu rrilaxxati l-restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena d-dħul rikorrenti tal-Gvern kellu żieda sostanzjali ta’ tlieta u għoxrin punt erbgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Statistika maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, turi kif l-ikbar żieda kienet mill-ħlasijiet għas-sigurtà soċjali, b’total ta’ iżjed minn sebgħa u sittin miljun ewro. It-tieni l-ikbar żieda kienet fit-taxxa tad-dħul, b’iżjed minn sitta u sittin miljun ewro.
Mill-banda l-oħra, sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena l-ispiża tal-Gvern kienet ta’ elf, ħames mija u għoxrin miljun ewro. Din hija żieda ta’ 4.1% fuq is-sena li għaddiet.
Tul il-perjodu ta’ referenza l-ispiża rikorrenti żdiedet b’ħamsa u sittin miljun ewro meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. L-ikbar kontributur għal din iż-żieda kienu l-programmi u l-inizjattivi li ttieħdu.
L-istqarrija tispjega kif din iż-żieda kienet minħabba aktar assistenza mogħtija mill-Gvern permezz ta’ numru ta’ skemi u inizjattivi. Fost l-oħrajn, iżjed minn tmienja u erbgħin miljun ewro ntużaw bħala stimolu ekonomiku u kważi sitta u għoxrin miljun ewro intefqu f’miżuri ta’ għajnuna fit-taxxa.
Fost l-għajnuniet l-oħra li ngħataw kien hemm l-assistenza sabiex anzjani jgħixu b’mod indipendenti u skemi ta’ assistenza fi żmien il-pandemija.
B’kollox, l-ispiża kapitali tal-Gvern sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena kienet ta’ mija u erba’ u għoxrin miljun ewro, żieda ta’ ftit iżjed minn żewġ miljun ewro fuq is-sena ta’ qabel. Din iż-żieda hija frott spiża ikbar għal inċentivi għal investiment, il-proġett tal-Park Internazzjonali ta’ Ta Qali, u l-pixxina fil-Kumpless sportiv tal-Kottonera, fost l-oħrajn.