Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, in-numru ta’ dawk li qagħdu f’lukandi u fi stabbilimenti turistiċi f’pajjiżna kien ftit inqas minn 410,000.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li minnhom ħareġ li kien hemm żieda ta’ 155,355 persuna, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Fl-ewwel kwart tas-sena l-oħra, it-total ta’ dawk li qagħdu f’lukandi u fi stabbilimenti turistiċi kien ta’ 253,634 persuna.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li dawk li qagħdu fi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni fl-ewwel kwart tas-sena, kienu jgħoddu għal kważi 400,000 persuna f’Malta, waqt li f’Għawdex kien hemm iżjed minn 15,000 persuna.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li f’dan il-perjodu msemmi, l-aktar stabbilimenti tal-akkomodazzjoni li qagħdu fihom nies kienu dawk ta’ erba’ stilel – dawn kien jammontaw għal iżjed minn 190,000 persuna. Wara, jikklassifikaw dawk ta’ tliet stilel u ta’ ħames stilel.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-iljieli fl-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni kienu jgħoddu għal kważi 1,660,000. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 620,000 lejl, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.