Fi tmiem il-ġimgħa tal-karnival qasmu l-fliegu aktar minn 80,000 passiġġier. Dan ifisser żieda ta’ 10,000 passiġġier meta mqabbel mal-2016.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li r-riżultat huwa sinjal ta’ tliet fatturi: sinerġija ta’ Gvern magħqud, Gvern iffokat u li qed jinvesti fis-settur turistiku. Huwa wkoll sinjal li l-ekonomija hija b’saħħitha u li l-poplu li għandu iktar flus fil-but jista’ jonfoq aktar.
Il-Ministru Anton Refalo rringazzja lin-negozji u l-assoċjazzjoni turistika Għawdxija. Irringrazzja wkoll lill-organizzaturi tal-karnival li ħadmu b’sinerġija mal-Gvern.
Qal li l-ekonomija f’Għawdex kibret b’għaxar darbiet aktar minn taħt Gvern Nazzjonalista. Irringrazzja wkoll lill-ħaddiem tal-Gozo Channel tal-impenn biex joffru l-aqwa servizz.