Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-impjiegi full time f’pajjiżna żdiedu b’sitta fil-mija, filwaqt li x-xogħol part-time bħala l-impjieg ewlieni żdied b’wieħed punt sebgħa fil-mija. Dan meta wieħed iqabbel Awwissu li għadda ma’ Awwissu elfejn u sittax.
Iċ-ċifri pprovduti mill-aġenzija JobsPlus juru li f’perjodu ta’ sena l-impjiegi full time żdiedu b’aktar minn 11,000 elf impjieg. Fl-istess żmien il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’sebgħa mija u tnejn u sebgħin ruħ.
Iż-żieda ta’ impjiegi full-time kienet fil-biċċa l-kbira fis-settur privat.
Fil-fatt iż-żieda fis-settur privat kienet ta’ iktar minn disat elef u sitt mitt ħaddiem, biex issa hawn aktar minn mija u tmienja u erbgħin elf ħaddiem b’impjieg full time. Fost dawn kien hemm tkabbir ta’ iktar minn elf u tliet mitt persuna li daħlu jaħdmu fis-settur tal-arti, id-divertiment u r-rikreazzjoni.
Iċ-ċifri juru wkoll żieda fil-persuni li jaħdmu għal rashom li żdiedu b’seba’ mija u erbgħa u sebgħin persuna, għal total ta’ iktar minn wieħed u għoxrin elf.
Minn naħa l-oħra, iż-żieda full-time fis-settur pubbliku kienet ta’ elf u erba’ mitt ħaddiem, għal total ta’ ftit inqas minn sitta u erbgħin elf.
Il-politika ta’ ugwaljanza permezz ta’ inċentivi fiskali kompliet tħalli l-frott tagħha hekk kif il-ħaddiema rġiel żdiedu bi ftit inqas minn ħamsa fil-mija, filwaqt li nisa żdiedu bi ftit iktar minn tmienja fil-mija.
Fl-istess perjodu, l-impjiegi part-time żdiedu b’ħamsa fil-mija. It-total ta’ persuni b’xogħol part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom tela’ għal kważi sebgħa u tletin u sitt mitt persuna.
Filwaqt li dawk b’full-time u part-time ukoll telgħu b’għaxra fil-mija għal sitta u għoxrin elf u erba’ mija.
Dawn id-dettalji juru kif fi żmien sena, il-provvista ta’ ħaddiema – jiġifieri dawk b’xogħol full-time u dawk jirreġistraw – żdiedet b’ħamsa punt ħamsa fil-mija, u kważi laħaq il-mija u sitta u disgħin elf u ħames mitt ħaddiem.