In-numru ta’ konvenji fuq propjetà immobbli f’Marzu żdiedu b’16% meta’ mqabbel max-xahar ta’ qabel filwaqt li l-valur tagħhom jaqbez l-€410 miljun ewro.
Jindikaw dan, ċifri b’rabta mas-settur tal-propjetà, hekk kif ġie nnutat ukoll li l-valur ta’ dawn il-konvenji wkoll żdied b’7%.
B’hekk dawn iċ-ċifri jikkonfermaw li Marzu ta’ din is-sena kien l-aqwa wieħed għas-suq tal-propjetà u n-numru ta’ konvenji ffirmati għajr għal dak tal-2021, meta l-miżuri ta’ rkupru b’rabta mal-pandemija kienu qed jitneħħew gradwalment.
Fi stqarrija, l-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi nnutat kif dawn iċ-ċifri jiġu wara aktar xhur li kisru rekords u jagħtu prova li l-interpretazzjoni mogħtija minn xi kwarti xi xhur ilu, jiġifieri li s-settur tal-proprjetà immobbli kien qed jiffaċċja kriżi, kienet sempliċiment riżultat ta’ analiżi superfiċjali mimlija żbalji bażiċi ta’ interpretazzjoni tad-data.
L-istqarrija ffirmata mill-President tal-Assoċċjazzjoni Michael Stivala tgħid ukoll li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw li l-propjetà immobbli hija l-investiment tal-għażla tal-biċċa l-kbira tal-familji Maltin.
Tgħid ukoll li ż-żieda attwali fin-numru ta’ konvenji turi li dan huwa l-aktar mezz aċċessibbli għal investiment bħal dan li storikament ikompli jiżdied fil-valur.