Żmien il-pandemija ma xekkilx is-settur tat-telekomunikazzjoni; anzi għall-kuntrarju fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ 5.4% ta’ abbonamenti bil-kuntratt tas-servizzi diġitali tat-televiżjoni, telefon u internet meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ minn rapport li wettqet l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, l-MCA. L-istess rapport jindika li fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, is-suq tas-servizzi tal-mobile rkupra ftit mill-abbonamenti li ntilfu fit-tieni kwart. Dan filwaqt li bejn Lulju u Settembru tal-2020 kien hemm żieda fl-abbonamenti mqabbel mal-istess xhur tal-2019.
Ir-rapport juri wkoll dipendenza qawwija fuq il-konnettività u s-servizzi diġitali. Ir-restrizzjonijiet kawża tal-pandemija fosthom l-għeluq ta’ skejjel, ristorani u bars wasslu biex fit-tieni kwart tas-sena li għaddiet kien hemm żieda kbira ta’ ħaddiema jaħdmu mid-dar filwaqt li l-maġġoranza tan-nies irrikorrew għas-servizzi diġitali bħala mezz ta’ divertiment.
Bejn sentejn ilu u s-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ ftit aktar minn 9,000 abbonament għas-servizzi tat-televiżjoni. 80% tal-abbonamenti li saru sa Settembru 2020 inxtraw bħala parti minn pakkett ta’ servizzi.
Fl-ewwel disa’ xhur ġiet innutata wkoll żieda fl-internet b’veloċità ta’ 100Mbps jew aktar, tant li sa Settembru tal-2020 kien hemm żieda ta’ 10 punti perċentwali f’abbonamenti fis-servizzi tal-internet bl-istess veloċità meta mqabbel mas-Settembru ta’ qabel.
Is-servizz tal-mobile rreġistra progress fit-tielet kwart tal-2020, hekk kif irkupra mit-tnaqqis osservat fil-kwart ta’ qabel. Tnaqqis li ġie affetwat dirett mill-pandemija tal-Covid-19.
Sal-aħħar ta’ Settembru n-numru ta’ abbonamenti għas-servizz tal-mobile laħħaq is-635,040. Żieda ta’ kważi 19,000 fuq il-perjodu ta’ qabel. Is-suq tat-telefonija ukoll ra żieda ta’ aktar minn elfejn abbonamenti minn fuq is-sena ta’ qabel biex b’hekk l-abbonamenti għal dan is-servizz ilaħħaq il-256,509.
Ir-rapport jinnota wkoll li l-pandemija aggravat in-nuqqas ta’ attività fil-posta, b’mod speċjali fil-posta tal-ittri. Madanakollu, ġiet irreġistrata żieda f’posta rreġistrata u tqassim ta’ pakketti fost oħrajn.