Fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex, aktar minn miljun u sitt mitt elf passiġġier, li tfisser żieda ta’ iżjed minn mitejn elf fuq sena qabel.
Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li għadha kemm ġiet ippubblikata.
L-istess statistika, tindika li, fir-raba’ kwart tal-2023, man-nofs miljun vettura użaw il-vapuri tal-Gozo Channel. Din ukoll hi żieda fuq l-istess perjodu tal-2022. Tant li l-ammont totali ta’ ’l fuq minn mitejn u ħamsa u tmenin elf vettura jfisser li kien hemm aktar minn ħmistax il-elf aktar.
L-NSO qal li, fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex qabżu l-għaxart elef vjaġġ bil-Gozo Channel u l-fast ferry magħdudin flimkien, żieda ta’ sitt mija u dsatax-il vjaġġ jew sitta punt ħamsa fil-mija aktar fuq is-sena ta’ qabel.
Mill-istess statistika jirriżulta li Ottubru kien l-aktar xahar impenjattiv fil-vjaġġi, għax saru total ta’ kważi tlett elef u tmin mitt bejn iż-żewġ gżejjer. L-għadd tal-passiġġieri wkoll f’Ottubru wkoll kien l-ogħla wieħed mit-tliet xhur, b’ħames mija u erbgħa u erbgħin elf, sitt mija u erbgħa u ħamsin li għamlu kważi tmienja u tletin fil-mija tat-total f’dan il-perjodu bejn Ottubru u Diċembru.
It-traffiku tal-vetturi u tal-passiġġieri li oriġina miċ-Ċirkewwa minn Jannar sa Diċembru 2023, kif mistenni, kien irreġistrat l-aktar fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt, filwaqt li mill-Imġarr, Għawdex, it-traffiku kien l-aktar il-Ħadd u nhar ta’ Tnejn.