Mill-aħħar Sibt ta’ dan ix-xahar u fl-ewwel tliet Sibtijiet ta’ Jannar, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jdaħħal fis-seħħ aktar miżuri ġodda mħabbra fil-Baġit 2024.
ONE News tkellem mas-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù. Dan wara li f’dan ix-xahar diġà tħallsu pagamenti tal-benefiċċju addizzjonali tal-għoli tal-ħajja u anki żidiet fiċ-children’s allowance.
Is-Sibt, jumejn qabel tispiċċa s-sena se jidħlu fis-seħħ dawn il-benefiċċji.
“Propju minn għada ħa jkomplu jinħarġu aktar żidiet imħabbra fil-Baġit. Propju għada se nkunu qed inħallsu lill-benefiċċjarji tal-Pensjoni tal-Età Non-Kontributorja, kif ukoll se jirċievu l-Assistenzi għad-Diżabilità Severa u anki dawk li jirċievu l-Allowances għal Carers u dik miżjuda.”
Is-Segretarju Permanenti spjega li s-Sibt 6 ta’ Jannar se jkunu qed jingħataw dawn il-ħlasijiet.
“Imbagħad ikun imiss fis-6 ta’ Jannar li jitħallsu ż-żidiet lill-pensjonanti tal-irtirar, kif ukoll lil dawk li jirċievu l-assistenzi soċjali, inkluż dawk fuq l-assistenzi soċjali: il-benefiċċju kontributorju tal-qgħad, il-benefiċċju tal-mard u l-benefiċċju tal-korriment fuq ix-xogħol.”
Musù spjega wkoll ma’ ONE News il-benefiċċji li se jiżdiedu fit-13 u fl-20 ta’ Jannar li ġej.
“Imbagħad ikun imiss li fit-13 ta’ Jannar jitħallsu r-romol li jieħdu ż-żieda dovuta lilhom imħabbra fil-Baġit. Imbagħad ikun imiss ġimgħa wara fl-20 ta’ Jannar, jitħallsu dawk li huma fuq il-pensjoni tal-invalidità.”
Għall-pensjonanti tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u pensjonanti tal-età non-kontributorja, iż-żieda hija ta’ €15 fil-ġimgħa.
Dan filwaqt li l-assistenzi soċjali u l-allowance għal carer se jieħdu żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja, dik magħrufa bħala tal-COLA.
Mark Musù tenna li l-miżuri tal-Baġit għas-sena d-dieħla se jibqgħu jiġu implimentati.
“Ovjament f’Jannar ukoll se jkunu qed jiddaħlu aktar miżuri mħabbra fil-baġit. Jiġifieri miżuri li apparti li jmorru lil hinn miż-żidiet li qegħdin nitkellmu dwarhom u mbagħad l-implimentazzjoni tkompli wkoll fi Frar u fix-xhur ta’ wara.”