Luke Vella ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament fit-30 ta’ Jannar ħebb u weġġa’ lis-sieħba tiegħu waqt argument. Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma marret tagħmel rapport I-għassa tal-Qawra b’kobba xagħar f’idha li wara irriżulta li kien tagħha.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif il-vittma qalet li I-argument allegatament beda wara li oħtha ċemplitilha min-numru li ma kienx issavejat fuq il-mobile tagħha. Il-sieħba tal-akkużat qalet kif għalkemm oħtha kienet tinstema’ mill-ispeaker tal-mobile l-akkużat xorta ma kienx sodisfatt u kisser il-mowbajl taghha u ħebb ghaliha. L-ispettur Eman Heyman spjega kif allegatament l-akkużat qabadha minn għonqha u ħarġulha t-tbengil.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontriħ.
Id-difiza talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezjona għal din it-talba għaliex ingħad li I-akkużat kiser I-kundizzjonijiet ta’ erba’ digrieti tal-libertà provizorja diġa imposti fuqu.
Spjega ukoll kif hemm il-biza’ li l-akkużat jew ommu jagħmlu kuntatt mal-allegat vittma.
Il-prosekuzzjoni stqarret ukoll li hemm il-biża’ ukoll li jsir xi reat iehor.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-għassa Dr Lara Lanfranco kkunsidrat li l-akkużat ma jofrix is-serħan il-moħħ li mhux ġa jerġa’ jikser xi kundizzjoni imposta fuqu jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.
ld-difiża talbet li l-akkużat jinżamm I-isptar Monte Karmeli għaliex tenniet li ma jinsabx f’kundizzjoni li jmur il-ħabs minħabba l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu.
Il-Qorti rrakomandat lid-direttur tal-ħabs jagħmel eżami mediku tal-imputat u jiddeċiedi hu fejn għandu jinżamm skond l-eżitu tal-eżami mediku. Il-prosekuzzjoni talbet li tinħareg ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u I-Qorti laqgħet din it-talba.
Fl-awla daħlet ukoll omm I-imputat u l-Qorti wissietha sabiex fl-ebda ċirkostanza ma tikkuntatja lill-vittma.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni li jinħatar espert biex jinvestiga l-filmati mill-kameras tas-sigurtà tal-lukanda li fiha ġara l-argument bejn l-akkużat u I-vittma fejn allegatament għamel b’elfejn u ħames mitt ewro danni fil-lukanda.