- Ħa ritratt mal-katavru u tellagħhom
Il-pulizija Ġermaniża arrestat żgħażugħ issupettat li qatel lil ġar tiegħu ta’ disa’ snin. Dan wara tfittxija intensiva li kienet qed issir mal-pajjiż kollu. Il-Pulizija bdiet tfittex lil Marcel Hesse wara li fid-dar tiegħu instab il-ġisem mejjet tat-tifel.
Intqal li saħansitra ħa ritratti mal-katavru u tellagħhom online. Iż-żgħażugħ li għandu dsatax-il sena kien arrestat f’Herne nhar il-Ħamis wara li daħal f’restorant u qal hu min kien. Aktar tard irraporta nirien f’appartament li kien fil-viċinanzi u hemm instab ġisem ieħor.
Huwa allegat li f’konverżazzjoni online indika li qatel mara oħra pero l-Pulizija Ġermaniża qalet li il-ġisem li nstab fl-appartament kien ta’ raġel. Persuni li jgħixu fiż-żona kienu xxokjati u nġabru quddiem l-appartament f’Herne.
Nhar l-Erbgħa, meta ż-żgħażugħ ma kienx għadu arrestat, it-tfal li jgħixu f’Herne kellhom jilagħbu ġewwa filwaqt li l-Pulizija wissiet lill-pubbliku li ż-żgħażugħ jista’ jkun armat.