Iż-żgħażagħ tal-għaqda Żejtun Organisation to Empower You (ŻOEY) għal darb’ oħra organizzaw Trick or Treat b’differenza madwar it-toroq taż-Żejtun.
Dawn iż-żgħażagħ għamlu ġabra b’differenza, flok ħasbu għalihom u ġabru l-ħelu,ġabru bottijiet tal-ikel b’risq it-tfal tal-creche ta’ Tas-Sliema.
F’inqas minn sitt sigħat, dawn iż-żgħażagħ ġabru ammont rekord ta’ ikel li jaqbeż id-960 kilogramma. Dan l-ammont mill-isbaħ huwa t-tripplu tal-ammont li nġabar is-sena li għaddiet. Dawn inġabru biss minn xi wħud miz-zoni fiż-Żejtun li huma Ġebel San Martin, Ħal Tmin, Ta’ San Girgor, u Bir id-Deheb.
L-għaqda ŻOEY irringrazzjat mill-qalb lir-residenti Żwieten tal-ġenerożità kbira tagħhom u li għal darb’ oħra urew il-koperazzjoni kbira tagħhom.
Bis-saħħa ta’ din il-ġabra mill-isbaħ se jkunu qed jibbenefikaw numru sabiħ ta’ tfal li sfortunatament ma jkunux jistgħu jgħixu mal-familji tagħhom minħabba problemi u diffikultajiet.