Għat-tielet sena konsekuttiva, iċ-China Soong Ching Ling Foundation bl-appoġġ tal-Bureau of International Exchange and Cooperation, il-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu taċ-Ċina, flimkien maċ-Ċentri Kulturali taċ-Ċina madwar id-dinja, qed tistieden żgħażagħ minn madwar id-dinja li għandhom xi talent sabiex jirbħu t-titlu ta’ Ambaxxaturi Kulturali Żgħażagħ.
It-tema magħżula għal din is-sena hija ‘My Dream Cities in China’ u l-avveniment huwa miftuħ għall-adoloxxenti ta’ bejn it-13 u s-16-il sena.
Dan l-avveniment annwali qiegħed isir pjattaforma importanti ferm għaż-żgħażagħ Ċiniżi u barranin biex jinteraġixxu, juru t-talent tagħhom, u jesprimu l-aspirazzjonijiet tagħhom, bil-għan li jippromwovu skambji kulturali u tagħlim reċiproku bejn iċ-Ċina u pajjiżi oħra.
Din is-sena, żewġ adoloxxenti Maltin – Amelie Calleja, l-Ambaxxatriċi Kulturali Żagħżugħa tal-2021, u Mattia Dalcielo, l-Ambaxxatur Kulturali Żagħżugħ tal-2022 – attendew għaċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni tal-2022 u ċ-Ċerimonja tat-Tnedija tal-2023 taċ-China Soong Ching Ling Foundation ‘Junior Cultural Ambassadors’ li sar f’Beijing.
Huma żaru siti magħrufa ta’ wirt kulturali bħall-Ħajt il-Kbir u l-Belt Projbita, u kellhom esperjenzi varji tal-wirt kulturali intanġibbli Ċiniż. Huma rikbu wkoll il-ferrovija ta’ veloċità għolja lejn Tianjin, belt kbira ħdejn il-baħar, sabiex iżuru Triq il-Kultura Antika u l-Mużew Marittimu Nazzjonali taċ-Ċina.
Iż-żgħażagħ li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni internazzjonali għandhom jippreżentaw filmat li ma jkunx itwal minn 4 minuti fejn fih jitkellmu jew jagħtu dimostrazzjoni dwar xi belt Ċiniża jew bliet Ċiniżi li jkunu żaru jew li jixtiequ jżuru. Fosthom huma għandhom isemmu l-wirt naturali u kulturali, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-ikel tradizzjonali u d-drawwiet lokali tal-belt jew bliet Ċiniżi li jkunu għażlu li jitkellmu dwarhom.
Il-filmati sottomessi se jiġu riveduti minn esperti. Partijiet mill-filmati magħżula ser jintwerew u jiġu promossi onlajn. Ir-rebbieħa tal-‘Junior Cultural Ambassadors’ ser ikollhom l-opportunità li jiġu mistiedna għal avvenimenti ta’ skambju internazzjonali organizzati miċ-China Soong Ching Ling Foundation, u jkunu msemmija fil-midja taċ-Ċina u kif ukoll internazzjonalment.
M’hemm l-ebda ħlas ta’ reġistrazzjoni għal dan l-avveniment, filwaqt li l-filmati għandhom jiġu sottomessi sas-Sibt, 30 ta’ Settembru.
Għal aktar dettalji dwar ir-regolamenti jew biex issegwu filmati li ġew sottomessi fis-snin ta’ qabel, tista’ żżur https://topics.gmw.cn/node_150728.htm
Jekk teħtieġ aktar tagħrif, tista’ wkoll tikkuntattja liċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta fuq ccc2023education@gmail.com