Raġel, li 14-il sena ilu kien indarab gravi waqt aċċident tat-traffiku, meta sieħbu kien qiegħed isuq il-vann t’ommu mingħajr ma kellu liċenzja, żdiedlu l-kumpens li kien ingħata minn €45,700 għal €64,000.
L-aċċident seħħ fit-3 ta’ Ottubru tal-2010, meta erba’ żgħażagħ kienu fil-vann, li kien involut f’ħabta ma’ karozza fil-Bidnija, bil-konsegwenza li tnejn mill-passiġġieri, aħwa ta’ 15 u 17 il-sena, sofrew ġrieħi gravi.
Omm l-aħwa kienet fetħet kawża ċivili kontra s-sewwieq bla liċenzja u ommu. Omm l-akkużat qalet fil-Qorti li hi ma kinitx taf li binha kien se jsuq il-vann, minħabba li binha kien qalilha li ħabib tiegħu, li għandu l-liċenzja tas-sewqan, kellu bżonn jissellfu.
Iżda l-Qorti kienet sabet li kemm iż-żagħżugħ kif ukoll l-omm huma responsabbli għal dak li ġara, għax għalkemm il-vann kien qed jinstaq minn binha, ommu kellha tkun aktar viġilanti fuq min kien qed jużah.
Dak iż-żmien il-Qorti kienet ordnatilhom li jħallsu sebat elef u ħamsin ewro f’danni lill-iżgħar minn fost l-aħwa u ħamsa u erbgħin elf, sebgħa mija u erbatax-il ewro lill-kbir.
Is-sewwieq u ommu kienu appellaw, kif għamlet omm l-aħwa. L-ewwel appell ma ntlaqax, iżda l-Qorti laqgħet dak ta’ omm l-aħwa midrubin u, fid-deċiżjoni tagħha, żiedet il-kumpens tat-tifel il-kbir għal €64,000.
L-Avukati Veronique Dalli u Andrew Saliba dehru għall-aħwa.