Kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-04.30, il-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq l-Infetti, l-Imdina u għaldaqstant kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li għal xi raġuni kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Citroen Berlingo misjuqa minn raġel ta’ 66 sena residenti l-Imtarfa u vettura tat-tip Vauxhall Corsa misjuqa minn Taljan ta’ 26 sena residenti San Ġwann.
Flimkien mas-sewwieq Taljan, kien hemm żewġ persuni oħra, tfajla Taljana ta’ 19-il sena u ġuvni Taljan ukoll ta’ 20 sena residenti San Ġwann.
Il-persuni kollha involuti fl-inċident ittieħdu l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard it-tfajla ġiet ċċertifikata li qegħda ssofri ġrieħi serji filwaqt li l-ġuvni ta’ 20 sena qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Il-kundizzjoni taż-żewġ sewwieqa għadha mhux magħrufa.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D. Frendo Dimech LL.D li ordnat li ssir Inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.