Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika minn Malta kellhom iċ-ċans jiltaqgħu mal-Papa Franġisku grazzi għall-proġett OWLS (Opportunities + Willingness + Learning = Success) iffinanzjat mill-programm tal-Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea.
Dawn ipparteċipaw ukoll f’diskussjonijiet ma’ żgħażagħ mill-Polonja, Albanija, Moldova, Ukrajna, Bulgarija, u Spanja dwar l-isfidi u s-suċċess tal-esperjenzi tagħhom fl-Azzjoni Kattolika u tal-volontarjat.
Dawn imbagħad ingħaqdu ma’ żgħażagħ Taljani għal laqgħa mal-Papa li saret fil-11 ta’ Awwissu. Il-pelegrinaġġi, organizzati minn madwar 200 djoċesi, ltaqgħu f’Circo Massimo f’Ruma, fejn madwar 70 elf żgħażugħ iltaqgħu biex jitolbu u jiddjalogaw miegħu f’atmosfera ta’ festa kbira.
Din il-festa estendiet f’Notte Bianca fejn, fost ħafna inizzjattivi, baqgħu miftuħa l-Knejjes ta’ Ruma sa sbieħ il-jum tal-Ħadd 12 ta’ Awwissu. Il-Ħadd stess kien hemm l-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet b’quddiesa fi Pjazza San Pietru u t-talba tal-Anġelus.