L-hekk imsejħa Queen’s Young Leaders, li se jirrappreżentaw lill-Malta f’Londra, iltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Eman Borg minn Għawdex u Vladyslava Kravchenko minn Malta ntgħażlu biex jirċievu premju prestiġjuż li jagħraf u jiċċelebra sittin żagħżugħ u żagħżugħa eċċezzjonali fi ħdan il-Commonwealth.
Huma se jingħataw premju mir-reġina f’Ġunju, iżda mhux biss. Se jingħataw taħriġ ta’ sena u opportunitajiet jitgħallmu dwar kif jistgħu jkunu mexxejja tajba fil-komunità tagħhom, bil-għan li jġibu bidla għall-aħjar.
Eman Borg għandu 21 sena u ntgħażel wara ħidma favur il-komunità LGBTI+. Huwa infatti l-fundatur tal-ewwel grupp ta’ dan it-tip f’Għawdex, u jorganizza gruppi edukattivi u avvenimenti bil-għan li ż-żgħażagħ ikollhom vuċi aħjar.
Ta’ 25 sena, Vladyslava Kravchenko hija atleta tal-paraolimpjadi. F’Settembru 2016 saret l-ewwel mara għawwiema li rrappreżentat lil Malta fl-olimpjadi ta’ Rio de Janeiro. Hija vuċi b’saħħitha u dejjem taħdem biex tinkoraġġixxi żgħażagħ jirbħu l-isfidi tal-ħajja, kemm jekk fiżiċi kif ukoll jekk mentali.