“Is-Sigurtà fit-Tfulija” hija t-tema ta’ riċerka li tnediet illum biex isir studju dwar l-esperjenzi t’abbuż fit-tfulija.
F’konferenza fl-Università l-Antika fil-Belt ġie spjegat kif il-fenomenu tal-vjolenza domestika jagħmel ħsara mhux biss lill-adulti maqbudin fih imma anki lill-ulied li jitrabbew f’ambjenti tossiċi.
Ir-riċerka internazzjonali turi li tfal u żgħażagħ esposti għal dan l-abbuż joħolqu ideat u twemmin dwarhom infushom li jissarrfu f’ħafna ħsara għalihom u għan-nies ta’ madwarhom.
Dr Clarissa Sammut Scerri se tmexxi din ir-riċerka f’isem id-Dipartiment tat-Tfal u l-Istudji tal-Familji fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.
Hija spjegat li l-għan ewlieni wara din ir-riċerka huwa biex jiġu pprovduti servizzi aktar b’saħħithom u effettivi lill-vittmi tfal ta’ dan il-fenomenu.
“Għandna numru ta’ kemm għandna vittmi adulti però m’għandniex numru ta’ kemm għandna tfal u għandna bżonn inkunu nafu kemm għandna tfal li qed jgħixu f’dawn il-familji u kemm għandna tfal li peress li qed jgħixu f’dan l-ambjent, jista’ jkun li jkunu vittmi t’abbuż ieħor.”
Ir-riċerka se ssir fost tliet mija u ħamsa u tmenin żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn it-tmintax u l-erbgħa u għoxrin sena.
“Dak iż-żmien huwa l-iktar żmien li t-tfal ikunu ndunaw minn xiex għaddew u jistgħu jitkellmu iktar għax iebsa tintervista tfal anki fi żmien tal-Covid u minħabba l-etika, allura ddeċidejna li nieħdu adulti żgħażagħ bejn 18 u 24.”
Id-Dekan tal-Fakultà, il-Professur Andrew Azzopardi spjega li fl-aħħar sitt snin, il-Fakultà pproduċiet aktar minn ħamsin biċċa ta’ riċerka li kienu strumentali f’liġijiet u proġetti li ġew implimentati fl-aħħar snin favur it-tisħiħ fil-kwalità tal-ħajja tal-familji.
Ir-riżultati ta’ dan l-istudju mistennija joħorġu f’Diċembru li ġej.
L-appell hu biex kull min għandu bejn tmintax u erbgħa u għoxrin sena u għadda minn esperjenza ta’ vjolenza domestika meta kien żgħir, jieħu sehem fl-istħarriġ u jkun ukoll fiċ-ċans li jirbaħ premju finanzjarju.