Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista organizzat laqgħa bħala parti mill-proċess għall-konsultazzjoni pubblika rigward l-integrazzjoni.
Matul din il-laqgħa saret preżentazzjoni minn professjonist mid-Direttorat għad-Drittijiet Umani li kienet segwita minn ħin ta’ diskussjoni fost dawk preżenti.
Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun qed tħejji t-triq għat-tieni politika u pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-integrazzjoni.
Il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, innota l-importanza li l-Partit Laburista jibqa’ jkun minn ta’ quddiem biex jiddiskuti u jipproponi riformi għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Qal, “Dan huwa proċess ieħor li qiegħed jipparteċipa fih il-Partit Laburista sabiex mhux biss iressaq l-ideat imma jipparteċipa bil-ħsibijiet u kif nistgħu nwasslu lil pajjiżna għal aktar tisħiħ soċjali fost l-oħrajn. Il-proċess tal-integrazzjoni huwa proċess importanti għas-soċjetà biex tkompli miexja ’l quddiem b’mod magħqud u b’mod aktar b’saħħtu. Allura l-Partit Laburista jemmen ħafna f’dan il-proċess u jrid allura jressaq ’il quddiem l-ideat għat-tieni pjan nazzjonali, għat-tieni strateġija favur l-integrazzjoni.”