Aktar minn mitejn żagħżugħ u żagħżugħa meqjusa vulnerabbli daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-proġett Opportunity Knocks, offrut mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Dawn iż-żgħażagħ ikunu ntilfu mis-sistema edukattiva jew inkella ma jgħixux mal-ġenituri jew man-nies responsabbli mill-ħarsien tagħhom.
Dan il-proġett imur lura għall-elfejn u tmintax u nħoloq bil-għan li jsaħħaħ l-għajxien ta’ żgħażagħ vulnerabbli li jkunu qed jaffaċċjaw sfidi emozzjonali u li jkollhom imġiba diffiċli.
Fi preżentazzjoni dwar il-proġett, il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali, Michael Falzon fissru bħala suċċess għax inħolqu opportunitajiet għal persuni vunerabbli biex jintegraw b’mod effettiv u jiksbu l-indipendenza.
“Okkażjoni bħal-lum hija okkażjoni pożittiva immens. L-ewwel nett turi l-kooperazzjoni ta’ kif naħdmu bejnietna bħala amministrazzjoni imma wkoll turi kemm veru qegħdin hawn biex noffru l-opportunitajiet liż-żgħażagħ u lit-tfal tagħna biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.”
B’mod dirett, gawdew minn dan il-proġett mal-ħames mitt persuna għax Opportunity Knocks imur lil hinn mill-opportunitajiet tax-xoħgol.
Fost l-oħrajn, erbgħa u għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa għexu f’“safe house” bħala parti minn proċess ta’ rijabilitazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li dan il-proġett isir b’investiment ta’ kważi miljun ewro, li tmien mitt elf ewro minnhom ġejjin mill-fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea.
“Dawn huma l-proġetti li, bħala Gvern, minkejja l-affarijiet kollha li nagħmlu, jagħmluna l-iktar kburin għax jidħlu fil-qalb tax-xogħol ta’ dan il-Gvern li naraw li ħadd ma jibqa’ lura u liż-żgħażagħ tagħna li forsi ma jistgħux jingħataw l-opportunitajiet mill-familji tagħhom, jingħataw l-opportunitajiet li ħaqqhom min-naħa tal-Gvern.”