Junior Champion Jack Mizzi ta’ 18-il sena, rebaħ it-tieni fażi tad-89 edizzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali taċ-Ċess ta’ Malta – il-Kandidati. Mizzi, li jilgħab mat-tim nazzjonali u rrapreżenta lil Malta f’diversi turnew taż-żgħażagħ, dalwaqt ser ikun qed jipparteċipa mat-tim Nazzjonali Olimpiku. Huwa rnexxielu jirbaħ 5 logħbiet u jikseb 2 draws, sabiex jassigura l-ewwel post fuq 6 punti. Mizzi huwa mistenni li jakkwista 95 punt tar-rating.
Ir-rivelazzjoni ta’ dan it-turnew kien Matthew Portelli ta’ tnax-il sena. Portelli wera il-potenzjal tiegħu matul l-Arena Chess Tournament tal-istudenti, fejn rebaħ il-logħob kollu li lagħab matul din is-sena. Iktar kmieni fil-Preliminarji, huwa ma kwalifikax mal-ewwel 10 li kienet tiggarantilu post fil-Kandidati. Madankollu, peress li kien hemm numru ta’ plejers li naqsu li jieħdu sehem, Portelli rnexxielu jikkwalifika. Ħadd qatt ma basar dak li kien ser jiġri! Portelli tela’ sparat fil-quċċata tal-klassifika, wara li rebaħ l-ewwel 4 logħbiet – inklużi rebħa kontra plejer nazzjonali Robert Novak, u rebħa oħra kontra Robert Zerafa li rebaħ it-titlu Malta Champion 5 darbiet. Fl-aħħar logħba huwa rebaħ kontra ex-Malta Champion ieħor Patrick Zerafa, u irnexxielu jassigura 5.5 punti minn 7 punti sabiex spiċċa fit-tieni post. Fl-età tenera ta’ tnax-il sena, Portelli ser ikun wieħed mill-iżgħar parteċipanti tal-Malta Championship Finals f’Ottubru li ġej. Portelli mistenni wkoll jakkwista iktar minn 150 punt tar-rating.
Il-kampjonat kien wieħed pjuttost eċċitanti. B’Portelli jissupera kull probabbiltà, kien evidenti li wħud mill-plejers ta’ rating ogħla ma kinux se jikkwalifikaw mal-ewwel 4, sabiex jidħlu għall-Finali. Novak, wara it-telfa sorpriża kontra Portelli fl-ewwel logħba, irnexxielu jimxi l’quddiem permezz ta’ rebħa kontra Conrad Thake fit-tieni round. Madanakollu, huwa seta’ biss iġib draw kontra Jacob Zammit – ir-rebbieħ tal-Preliminarji. Novak irnexxielu jirkupra permezz ta’ 3 rebħiet u draw kontra Mizzi fl-aħħar round, sabiex bhekk assigura total ta’ 5 punti.
David Cilia Vincenti, li għal dan il-kampjonat kellu jivvjaġġa fit-tul minn parti mbiegħda tad-dinja New Zealand, lagħab logħob konsistenti. Huwa ġab draw kontra Mizzi u Patrick Zerafa, filwaqt li għeleb lil Muthukumar u Pala fl-ewwel 4 logħbiet. Madanakollu, skalkolu fil-5 logħba ġiegħlu jitlef wara biss 13-il mossa kontra Robert Zerafa. Huwa rnexxielu jassigura 2 rebħiet kontra Zammit u Joe Grech (li irritorna għax-xena kompetittiva taċ-ċess wara nuqqas ta’ 20 sena). Cilia Vincenti spiċċa biex kiseb 5 punti.
L-aħħar 2 kwalifikanti kienu magħrufa wara li spiċċat l-aħħar logħba tal-kampjonat. Robert Zerafa (fuq 4 punti) kien qed jilgħab kontra Duncan Vella (fuq 3 punti). Hekk kif bdew jispiċċaw il-logħob kollu ta’ madwaru, Robert kien jaf li rebħa biss setgħet tagħtih iċ-ċans li jikkwalifika. Riżultat differenti u dan kien ifisser li Novak jew Cilia Vincenti kienu jikkwalifikaw. Vella beda l-logħba b’saħħtu, u rnexxielu jikseb vantaġġ wara li partat xi materjal għal pawn. Zerafa, b’inqas minn minuta fuq l-arloġġ, wara l-24 mossa irnexxielu jdawwar il-logħba favurih billi daħal f’endgame perikoluża bi 3 pawns fuq in-naħa tar-re, kontra wieħed. Hekk kif iż-żewġ plejers beda jispiċċalhom il-ħin, Zerafa baqa’ jippressa għal rebħa. Kien hawnhekk li Vella issagrifika il-materjal li kien kiseb lura, sabiex akkwista pożizzjoni ta’ draw, li kienet offruta mingħand Zerafa.
Il-parteċipanti tal-Finali tal-Malta Chess Championships li ser isiru f’Ottubru li ġej, huma Colin Pace (il-Champion renjanti), Jake Darminin (runner-up 2023), Jack Mizzi, Matthew Portelli, Robert Novak u David Cilia Vincenti.
Klassifika Finali:
6 punti: Mizzi J.
5.5 punti: Portelli M.
5 punti: Novak R., Cilia Vincenti D.
4.5 punti: Zerafa R.
4 punti: Zerafa P., Pala O.
3.5 punti: Vella D., Zammit J., Grech J., Saliba K., Thake C., Saliba L.
3 punti: Psaila M, Muthukumar K., Thornton F., Grima Bongailas I., Licari C.
2.5 punti: Miceli-Farrugia E., Dobbin A.
2 punti: Farrugia A.
Id-Dettalji kollha jinsabu f’dan is-sit: https://chess-results.com/tnr958113.aspx