Żgħażagħ mill-iskola St Michael ħejjew dramm tal-Milied mill-kumdità ta’djarhom, wara li tħassar id-dramm tradizzjonali li jsir kull sena, minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Fid-dramm ħadu sehem tmien studenti minn din l-iskola mmexxija mis-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M, li rrekkordjaw il-parti tagħhom fil-ħin liberu.
Fi tmiem id-dramm virtwali, saret diskussjoni f’kull klassi dwar it-tilqima li nstabet fid-dramm.
Student minnhom stqarr,“Nappella lilkom ilkoll biex minn qalbna ħudhu tilqima. Hija it-tilqima li timlilkom qalbkom bil-paċi tassew. Hekk biss nitaw nawgurlakom minn qalbna il-Milied it-tajjeb.”
Matteo Grixti, student tar-raba’ sena li ħa sehem fid-dramm u għamel xogħol ta’ muntaġġ, spjega ma’ dan l-istazzjon dwar xiex inhu d-dramm bl-isem ta’ ‘Tilqima’.
Grixti irrimarka, “Il-play hija iffukata fuq telefonata virtwali bejn il-maġi u karattri differenti fl-istorja ta twelid ta’ Ġesu.”
L-istudent qal li din hija esperjenza ġdida, iżda sab l-appoġġ tas-sħabu kif ukoll tal-għalliema li lkoll ħadmu biex dan ix-xogħol jitgawda mill-pubbliku.
L-istudent sostna, “Nistgħu ngħidu li tilqima sibnieha, issa jonqos li l-bnedmin jaċċettaw it-tilqima. L-Erodijiet taż-żminijet tal-lum se jippruvaw ibellgħuhielkom li l-vaċċin ma jaħdimx. Li t-tilqima fiha s-sde effects. Imma aħna nemmnu fit-tilqima għax hija tilqima ġejja minn Ġesu.”
Dan id-dramm jagħmel referenza wkoll għall-ittra li kiteb il-Papa Franġisku ‘Fratelli Tutti’ li tirrifletti fuq diversi valuri fosthom il-solidarjetà u l-għaqda.