- Żgħażagħ mill-Gozo College Boys’ Secondary School fir-Rabat, Għawdex jgħidu tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa
Studenti mill-Gozo College Boys’ Secondary School fir-Rabat, Għawdex se jipparteċipaw fl-Assemblea taż-Żgħażagħ tal-Ewropa Tiegħek, Leħnek.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għażel studenti mill-Gozo College Boys’ Secondary School fir-Rabat, Għawdex biex jipparteċipaw fl-edizzjoni tal-2017 tal-Ewropa Tiegħek, Leħnek, l-assemblea annwali taż-żgħażagħ tal-Kumitat li tiddibatti l-isfidi prinċipali li qed tiffaċċja l-Ewropa.
Intgħażlu 33 skola – waħda minn kull Stat Membru tal-UE (28) u mill-5 pajjiżi kandidati (l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija) minn aktar minn 680 applikazzjoni permezz ta’ polza miftuħa, fil-preżenza tal-Viċi President tal-KESE, is-Sur Gonçalo Lobo Xavier u l-membri tal-KESE Katiana Vicens Guillén u Indrė Vareikytė.
Organizzata waqt is-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, l-edizzjoni tal-2017 tal-Ewropa Tiegħek, Leħnek ser tagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jipproponu soluzzjonijiet għall-isfidi politiċi prinċipali li qed tiffaċċja l-Ewropa. Kull skola se tibgħat Brussell delegazzjoni ta’ tliet studenti ta’ 16 jew 17-il sena, flimkien ma’ għalliem/a, biex jieħdu sehem f’sessjoni plenarja taż-żgħażagħ mit-30 sal-31 ta’ Marzu. L-istudenti se jiddibattu u jivvutaw fuq l-isfidi politiċi li qed tiffaċċja l-UE u se jissuġġerixxu s-soluzzjonijiet tagħhom stess.
Il-preparazzjonijiet għall-Ewropa Tiegħek, Leħnek se jibdew fil-bidu tal-2017 bi żjara ta’ membru tal-KESE minn kull pajjiż lil kull waħda mill-iskejjel magħżula fejn jgħin lill-istudenti jippreparaw għall-plenarja taż-żgħażagħ, jintroduċihom għall-KESE u jispjegalhom ir-rwol tiegħu fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-KESE, leħen is-soċjetà ċivili, għandu l-għan li jiżgura li l-fehmiet, l-esperjenzi u l-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jinstemgħu fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE.