Dawn huma Berry, Ozzy u Atos, tlett iklieb bravissimi li għandhom il-pożizzjoni ta’ surġent fil-Korp tal-Pulizija.
It-Tnejn filgħodu f’festa pubblika grupp ta’ żgħażagħ ta’ bejn l-erbatax u s-sbatax-il sena, li jinsabu fil-kura alternattiva, kellhom l-opportunità jsegwu mill-qrib ir-rabta ta’ bejn il-Pulizija u l-kelb li jieħdu ħsieb, mħarrġa b’dixxiplina biex anke jgħinu f’operazzjonijiet delikati ta’ salvataġġ.
Din l-attività kienet parti minn kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Korp tal-Pulizija u d-Direttorat tal-Kura Alternattiva fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, bil-għan li tfal u żgħażagħ f’kura alternattiva, jgħixu esperjenzi uniċi u, fl-istess waqt, edukattivi.
ONE News tkellem mas-Surġent Diane Fenech, fejn spjegat li l-kelb li tieħu ħsieb, Ozzy, issa għandu erba’ snin u nofs u jispeċjalizza fuq protezzjoni. Tenniet li bħalissa qed jagħmlu anke kors flimkien dwar kif jiskopru armi tan-nar. Is-surġent Fenech sosniet li attivitajiet bħal dawn huma ta’ benefiċċju kemm għall-klieb u anke għat-tfal.
“Importanti ħafna socialisation u environmental training ukoll li jaħdem f’ambjenti differenti biex tkun tista’ taħdem aħjar dik importanti ħafna. Anzi dawk huma l-foundations biex tgħallem kelb. U rigward it-tfal ukoll għax qed nagħmlu interaction bħala Pulizija mat-tfal u ma tibqax dik il-barrier u meta jikbru jiġu bżonn ta’ għajnuna dejjem isibu l-Pulizija u mhux iħarsu lejh b’mod ikrah jew tal-biża’.”
Is-Surġent Diane Fenech
Sadanittant, fil-Kavallerija tal-Pulizija, iż-żgħażagħ kellhom iċ-ċans iqattgħu ftit tal-ħin ma’ numru ta’ żwiemel fl-istalel, taħt il-gwida tal-uffiċjali fit-taqsima.
Fatt interessanti dwar iż-żwiemel tal-kavallerija, hija li dawn għandhom grad ta’ Spettur fil-korp tal-Pulizija.
Remenda Grech, Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva tkellmet dwar il-fatt kif bis-saħħa din il-kollaborazzjoni qed jaraw riżultati pożittivi fl-imġieba ta’ dawn iż-żgħażagħ li jkunu għaddejjin minn stadji differenti f’ħajjithom.
“Din is-sena, l-ebda wieħed minn dawn iż-żgħażagħ ma fetaħ rapport ġdid minħabba imġieba diffiċli u allura qed naraw bil-fatti li dawn it-tip ta’ programmi ta’ prevenzjoni u engagment fejn anke l-pulizija jkunu qegħdin iżuru il-homes tagħna. Qegħdin naraw riżultati b’mod iktar attiv issa fejn dawn iż-żgħażagħ qegħdin iktar fil-komunità, qed iħossuhom anke huma stess għandhom iktar kontroll fuq l-imġieba tagħhom u minn hawn ‘il quddiem nersqu lejn it-tieni fażi tal-ħsieb tagħna fejn nippruvaw li anke dawn iż-żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Id-Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva, Remenda Grech