Kylie Cutajar ta’ 21 sena residenti l-Ħamrun, Ritmark Borg ta’ 28 sena residenti Raħal Ġdid, u Josef D’Amato ta’ 24 sena residenti l-Marsa ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti mixlija li xewxu persuni oħra biex jagħmlu reat, jiksru l-liġi u li għamlu użu ħazin ta’ apparat elettroniku fil-konfront tal-Pulizija Simon Schembri li kien involut f’inċident.
Fid-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, ingħad li l-Qorti xebgħet tara u ilha tiġbed l-attenzjoni fuq in-nuqqas ta’ edukazzjoni fejn jidħol l-użu tal-midja soċjali u li ta kuljum tinnota li anke persuni ta’ responsabbiltà jaqbdu u jtellgħu l-kummenti qabel ma jaħsbu fil-konsegwenzi.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li pajjiżna jimxi bir-rule of law, għax huwa pajjiż iċċivilizzat u sal-lum persuna li tħossha aggravata tista’ tmur quddiem il-Qorti u tieħu rimedju.
Schembri kien involut f’inċident aktar kmieni din il-gimgħa wara li sfa mtajjar minn vettura misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena. Liema żagħżugħ qed jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti bi 23 akkuża, fosthom bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri.
Aqra wkoll:
Jinżamm arrestat wara li kiteb ‘sewwa jagħmel. Jalla jtajru wieħed kuljum’
Josef Damato ta’ 24 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li għamel kummenti ta’ natura dispreġġjattivi fil-konfront tal-Kuntisabbli Simon Schembri fejn fuq il-midja soċjali kiteb il-kliem “sewwa jagħmel. Jalla jtajru wieħed kuljum.” L-akkużat li mar il-qorti mingħajr ebda rappreżentanza legali hekk kif huwa informa lill-pulizija li m’għandux mezzi sabiex iħallas avukat.