Fil-laqgħa tal-Kabinett maż-żgħażagħ li saret fl-MCAST it-Tnejn, bosta żgħażagħ minn oqsma differenti tkellmu fuq temi nazzjonali quddiem il-fergħa eżekuttiva tal-pajjiż.
Kien il-Prim Ministru Robert Abela li, f’introduzzjoni qasira, saħaq li f’din il-laqgħa tal-Kabinett irid jisma’ minflok jitkellmu iżjed hu u l-politiċi, biex jisma’ l-ideat u l-ħsibijiet taż-żgħażagħ.
Innota kif dan huwa eżerċizzju importanti u li mhux se jkun ta’ darba. Huwa ħabbar it-twaqqif ta’ forum konsultattiv li se jkun magħmul minn żgħażagħ li se jintgħażlu wara sejħa pubblika biex jiġu konsultati fuq diversi temi mill-Prim Ministru u mill-Kabinett tal-Ministri.
Fid-diskussjoni ħajja li saret maż-żgħażagħ, żagħżugħ li ġej mill-qasam sportiv tkellem dwar skemi li jeżistu biex atleti bħalu, fosthom dawk li qed jimmiraw li jikkompetu fil-Logħob għall-Pajjiżi ż-Żgħar, ikollhom iċ-ċans jitħarrġu waqt li huma ħaddiema.
“Jien grat għall-imgħallem tiegħi, li japprezza l-ħtieġa u s-sagrifiċċju li poġġejt fuq l-impjieg. Huwa jagħmel dan bl-assistenza ta’ diversi skemi li jeżistu għal atleti bħali biex ikunu jistgħu jitħarrġu waqt ħinijiet tax-xogħol, fejn jien wieħed li nibbenefika minn dawn l-iskemi. Hemm skemi wkoll li huma bħal-leave mħallas għal raġunijiet ta’ sport. Ix-xogħol qed isir u qed isir tajjeb u b’intenzjonijiet tajbin u ma nistgħux niċħdu li r-riżultati qegħdin jaslu.”
L-imprenditriċi Maria Galea, li taħdem fis-settur tal-arti u li għandha tnejn u tletin sena, irrikonoxxiet l-għajnuna ta’ fondi pubbliċi għall-artisti iżda saħqet fuq il-ħtieġa tas-sostenibbiltà u għalhekk irrimarkat favur politika li tixpruna lill-artisti biex jikbru fis-settur għax minnhom tgawdi wkoll l-ekonomija.
“Qed nissuġġerixxi li jinħolqu policies ta’ inklużjoni fejn ninkoraġġixxu kumpaniji lokali u internazzjonali sabiex jinvestu f’dan is-settur. Li l-kultura tiġi inkluża f’Ministeri u setturi diversi bħall-iżvilupp, it-turiżmu, l-edukazzjoni, it-teknoloġija, l-ambjent – fejn jinħolqu xogħlijiet u opportunitajiet relatati għall-professjonisti u l-artisti.”
Fil-laqgħa ta’ Kabinett maż-żgħażagħ tkellem ukoll Nicholas Attard, student li qed jistudja l-liġi fl-Università ta’ Malta u huwa Għawdxi.
“F’dawn l-aħħar snin, l-opportunitajiet f’Għawdex żdiedu, fejn ġew iġġenerati numru ta’ impjiegi ta’ kwalità. Il-fatturi ewlenin ta’ dan kienu li numru ta’ kumpaniji u negozji stabbilixxew preżenza f’Għawdex kif ukoll l-andament ekonomiku b’saħħtu li kien hawn fil-pajjiż frott ta’ ħidma tal-Gvern u stakeholders konċernati.”
It-tiratur Gianluca Chetcuti, li riċentament kiseb suċċess meta ġie l-ħames fid-dinja minn fost aktar minn mitt tiratur, huwa ukoll Inġinier li qed jaħdem fuq proġetti infrastrutturali sportivi li fi kliemu qed iwittu t-triq għal aktar suċċessi fl-isport.
“Jien iggradwat b’baċellarat fl-inġinerija u naħdem fis-settur tal-kostruzzjoni. Fost proġetti li qed nieħu ħsieb qiegħed nagħmel parti minn grupp ta’ inġiniera li qegħdin jieħdu ħsieb installazzjonijiet ġewwa l-pixxina ġdida fil-kumpless sportiv tal-Kottonera. Dan l-investiment infrastrutturali sportiv u oħrajn qed inwittu t-triq għall-futur.”
L-istudent Għawdxi, li kien l-aħħar wieħed li għamel intervent fil-laqgħa fl-MCAST, saħaq li Għawdex għandu jibqa’ jżomm il-karatteristiċi tiegħu iżda li jibqa’ mutur ekonomiku li joħloq ix-xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
“Minn wara l-Covid ġiet introdotta skema min-naħa tal-Gvern, intenzjonata biex tinċentiva kumpaniji bbażati f’Malta biex joffru l-fakultà ta’ work from home fil-konfront ta’ impjegati Għawdxin. Nemmen li din l-iskema hi waħda tajba li għandha tiġi aktar imbuttata u żviluppata. Naturalment it-titjib kontinwu tal-konnettività bejn il-gżejjer kien, għadu u jibqa’ kruċjali. Dawn huma ftit punti li jistgħu jikkontribwixxu pożittivament biex aktar u aktar żgħażagħ Għawdxin jistabbilixxu lilhom nfushom f’Għawdex u hekk titjieb il-qagħda ekonomika u soċjali tal-gżira Għawdxija.”