ŻfinMalta ngħaqdet ma’ Ballet d’Jérri, il-kumpanija nazzjonali taż-żfin ta’ Jersey, biex tippreżenta xogħol ġdid mid-Direttur Artistiku tagħha Paolo Mangiola. ‘Geographers of Solitude’ tlaqqa’ 20 żeffien biex jesploraw l-esperjenzi komuni u l-kulturi differenti ta’ Malta u Jersey Island.
Ispirata mill-għasfur Arctic Tern, l-aktar magħruf għall-modi migratorji twal tiegħu, dan ix-xogħol artistiku jesplora temi ta’ diversità, armonija kollettiva u l-interazzjoni bejn is-solitudni u l-komunità.
Il-kunċett jidwi r-reżiljenza tal-għasfur, li fil-vjaġġi tiegħu jsib kenn fuq iż-żewġ gżejjer.
Il-kollaborazzjoni nbdiet minn Carolyn Rose Ramsey, id-Direttriċi Artistika tal-Ballet d’ Jérri, li stiednet lil Mangiola biex joħloq xogħol għall-kumpanija nazzjonali l-ġdida taż-żfin ta’ Jersey. Din il-koproduzzjoni se tkun qed tittella’ l-ewwel f’Malta minn dan ix-xahar, segwita f’Jersey ix-xahar id-dieħel.
Din il-kollaborazzjoni ukoll twiegħed li toffri djalogu bejn żewġ gżejjer, fejn tiċċelebra d-differenzi tagħhom, filwaqt li tiżvela l-affarijiet li jorbtuhom flimkien.