Żeża tal-Flagship mill-ġdid fostna, did-darba fit-Teatru Manoel, fil-Belt Valletta.
Il-kummiedja issa ġiet addattata minn Joe Galea, b’diversi kanzunetti ġodda. Id-daqq tal-mużika u l-kant se jiġu eżegwiti minn artisti Maltin, akkumpanjati minn Orkestra.
L-istorja ta’ din il-kummiedja mużikali oriġinarjament kitibha Mikielanġ Borg. Il-ġrajja teħodna lura lejn il-music hall bl-isem ta’ Flagship Bar wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-music halls kienu ħwienet tad-divertiment; ħwienet imfittxija min-nies tas-servizzi għad-divertiment ta’ matul il-lejl.
Żeża kienet mara fuq ruħha u allegruża u kienet magħrufa għalkemm kienet tattira lejha rġiel. Kienet popolari mal-baħrin u s-suldati Ingliżi. Barra minn hekk, kienet popolari wkoll mal-Maltin. Dak iż-żmien ħwienet bħal dawn kellhom fama partikolari.
One News żar it-Teatru Manoel, fejn segwa lill-atturi waqt il-provi għall-kummiedja. Id-direttur artistiku ta’ din il-produzzjoni, Hermann Bonaci, tkellem dwar kemm għandu għal qalbu lit-Teatru Manoel, fejn proprju se ssir Żeża tal-Flagship
“Jiena nsejjaħlu, meta nidħol hawn ġew, għalkemm jiena tifel mill-Belt, ġejt ħafna drabi t-Teatru Manoel. Biss nibqa’, kif nidħol hawn ġew, inħossni home, u taffaxxinani s-sbuħija ta’ dan it-teatru. Żeża tal-Flagship se ssir f’dan it-teatru, fejn bla dubju l-ambjent huwa tagħha prattikament. Għaliex tajjeb ngħidu li meta saret l-ewwel darba, Żeża tal-Flagship aktar minn mitt sena ilu saret proprju f’dan it-teatru.”
One News tkellem ukoll ma’ Laura Bruno, li qed tinterpreta l-parti prinċipali ta’ Żeża. Hi spjegat x’inhu l-karattru ta’ Żeża: mara fuq tagħha deskritta bħala persunaġġ b’enerġija kbira. Qalet li dan huwa simili għall-karattru tagħha. Iddeskriviet lilha nnifisha bħala persuna tbaqbaq bil-ħajja, bħal ma hi Żeża, fl-aħħar mill-aħħar. Magħna, hija ffukat fuq parti speċifika mill-istorja ta’ Żeża tal-Flagship.
“Tiltaqa’ ma’ xi ħadd fil-bar u tidħol f’basla. Prattikament, din tidħol f’basla li ma tkunx taf kif se toħroġ minnha. Pero’, Żeża hija wkoll mara sensittiva. Hija xalatriċi mill-kbar. Nemmen li dan il-karattru qgħadli ħafna għax, kull min jafni, jaf jiena kemm jien bubbly u loud, u Żeża hija dak li hi hekk hu wkoll.”
Din il-kummiedja mużikali b’verżjoni klassika Maltija qed issir bħalissa u se tibqa’ għaddejja sal-Ħadd.
Rikording ta’ rappreżentazzjoni ta’ din il-verżjoni tal-kummiedja mużikali Żeża tal-Flagship se jixxandar fuq l-istazzjon One għal żmien il-Milied.