Ħafna żgur li jafu b’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo: ktieb mill-1930 li jsegwi l-avventuri li jiltaqgħu magħhom grupp ta’ emigranti Maltin fi New York.
Fuq ħsieb simili, fil-jiem li ġejjin se jiddebutta film bl-isem Brothers From Malta, li jirrakkonta l-istorja ta’ żewġt’aħwa Maltin f’California li jridu jwarrbu kull diżgwid bejniethom biex iwettqu l-ħolma ta’ oħthom, li qed tissielet bejn ħajja u mewt.
Il-moħħ wara dan il-film huwa Julian Galea, li ġej minn familja Maltija li emigrat lejn l-Awstralja. F’dan il-film se jkun qed jinterpreta l-parti ta’ Joe, immigrant Malti li ftit li xejn jaħsibha qabel jitkellem jew jaġixxi.
F’dan il-film pjuttost komiku huwa jieħu r-rwol tal-ikbar wieħed fost l-aħwa b’serjetà kbira. L-aktar mumenti kruċjali fil-film huma meta l-valuri tradizzjonali Maltin li jħaddan jingħaqdu mad-dinja progressiva.
Il-parti ta’ ħuh iż-żgħir se tkun interpretatat minn James Galea, li apparti li huwa producer li rebaħ diversi premji, huwa wkoll kittieb, attur u magician. Fost oħrajn huwa kien fuq The Ellen DeGeneres Show.