Il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, żvela l-interess veri tad-deputat Nazzjonalista Mario De Marco fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
F’artiklu fit-Times of Malta l-Professur Scicluna tkellem fuq ir-rapport tal-European Banking Authority dwar istituzzjonijiet Maltin u spjega fid-dettall il-ħidma tal-gvern Malti kontra l-ħasil ta’ flus u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam. Fil-fatt l-aħħar xhur u snin kienu implimentati bidliet importanti ħafna li l-Ministru Scicluna jispjega f’ċertu dettall.
Peró kien hemm każ li ma kienx magħruf pubblikament li l-Ministru Scicluna għamel referenza għalih.
Mar lura għas-sajf tal-2015 meta ma’ De Marco kien qed jitkellem miegħu fuq emendi għall-att kontra l-ħasil ta’ flus.
Scicluna tkellem dwar kif Mario De Marco, avukat tal-kriminal, kien qed jirrappreżenta lill-oppożizzjoni fil-biċċa xogħol delikata li jkunu emendati l-liġijiet Maltin kontra l-ħasil ta’ flus.
Iżda, f’jum minnhom telaq mgħaġġel minn laqgħa fuq is-suġġett u mar l-Imrieħel fejn għandhom l-uffiċini l-FIAU u l-MFSA.
Dan għamlu biex jhedded istituzzjoni li ftit minuti qabel kien qed jiddiskuti mal-Ministru Scicluna kif suppost għandha tissaħħaħ. De Marco kien qed jiddefendi b’kemm kellu saħħa klijenti bl-isem ta’ Fanplay. Taljani li kienu qed jiffaċjaw akkużi serji ta’ rabtiet ma’ organizazzjonijiet kriminali bħal Ndrangheta u saħansitra kien hemm mandat ta’ arrest ewropew fil-konfront tagħhom. L-istituzzjonijiet Maltin kienu rtirawlhom il-liċenzja u dan minħabba suspetti ta’ ħasil ta’ flus. Peró De Marco kellu l-wiċċ imur jiġġieled u jhedded biex jaqbeż għalihom fl-istess ħin li f’isem il-PN kien mistieden biex jgħin fil-bidliet leġiżlattivi kontra l-ħasil ta’ flus.
De Marco huwa l-istess kelliem tal-PN li qed jitlob għar-riżenja tal-Ministru Edward Scicluna u fl-artiklu tiegħu Scicluna ma joqgħodx lura milli jitkellem dwar din it-talba u jesponi l-ipokrezija tal-kelliema tal-Partit Nazzjonalista. Għax De Marco hu biss wieħed minnhom.