Żewġt itfal ta’ 7 u 8 snin indarbu gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fl-Imġarr.
Il-każ seħħ illum, għal xi t-tmienja ta’ dalgħodu fi Triq San Pawl, l-Imġarr, Malta.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Funcargo, misjuqa minn mara ta’ 70 sena residenti l-Imġarr, u Toyota Vitz, misjuqa minn mara ta’ 35 sena mill-Imġarr. Erbat itfal ta’ 4, 7, 8 u 11-il sena kienu passiġġiera fil-Vitz.
Huma ingħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u tifla ta’ 7 snin u tifel ta’ 8 snin ittieħdu l-isptar fejn aktar tard ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi.
Il-mara ta’ 70 sena ittieħdet ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn ġiet iċċertifikata bi ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.