Żewġt irġiel ġarrbu xi ġrieħi wara li ġew aggrediti minn tlett irġiel fil-Marsa.
Kien għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ dalgħodu meta żewġt irġiel Eritreani ta’ 28 sena u 18-il sena daħlu l-Għassa tal-Ħamrun u rrapportaw li ftit ħin qabel, waqt li kienu qegħdin fi Triq Antonio Doublet, fil-Marsa, ġew aggrediti minn tlett irġiel oħra.
Allegatament, l-aggressuri kellhom arma li taqta’ u bil-ponta.
Minħabba li l-vittmi, it-tnejn residenti Birżebbuġa, kellhom xi ġrieħi, il-Pulizija talbet għall-assistenza medika u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Aktar tard, ir-raġel ta’ 28 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li l-ieħor ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet u bit-tfittxijiet għall-aggressuri.