Żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku aktar kmieni llum.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu fi Triq John Muscat, ir-Rabat.
Mill-investigazzjonijiet preliminari irriżulta li raġel ta’ 80 sena residenti r-Rabat, intlaqat minn vettura misjuqa minn mara ta’ 48 sena residenti r-Rabat wkoll.
It-tieni inċident ġara għal xi nofsinhar, fi Triq Ta’ Ħal Farruġ, Ħal Qormi.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta raġel ta’ 35 sena li joqgħod l-Imtarfa, kien qiegħed isuq karozza, tilef il-kontroll u ħabat ġo arblu.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u l-vittmi ttieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin